Is-Sibt, 21 ta’ Marzu 2020: Fil-bidu tal-quddiesa tal-lum, il-Papa Franġisku ftakar fil-familji li ma jistgħux joħorġu mid-dar, li l-unika arja li jaraw hi dik tal-gallarija ta’ darhom. Il-Papa talab biex il-familji, l-aktar dawk li għandhom it-tfal, isibu mod kif jikkomunikaw aħjar ma’ xulxin biex jegħlbu l-ansjetajiet li għaddejjin minnhom bħalissa. Nitolbu għall-paċi fil-familji u biex jgħinu lil xulxin bil-kreattività, qal il-Papa.
Il-Papa għamel riflessjoni dwar il-qari tal-Liturġija tal-lum, meħud mill-Profeta Ħosegħa u l-Evanġelju li fih Ġesù jirrakkonta l-parabbola tal-fariżew u l-pubblikan.
Franġisku ħeġġiġna biex induru għat-talb, talb umli li fih nagħrfu lilna nfusna bħala midinbin – mhux it-talb prużuntuż li bih inħossuna aktar ġusti mill-oħrajn.
Il-kelma tal-Mulej li smajna lbieraħ, ‘Erġa’ lura lejn id-dar,’ insibu t-tweġiba tagħha fl-istess Ktieb ta’ Ħosegħa: ‘Ejjew, nerġgħu lura għand il-Mulej.’ Hija t-tweġiba għal meta l-kliem ‘Erġa’ lura lejn id-dar’ imissilna qlubna: ‘Imxi, ħa nerġgħu lura għand il-Mulej, għax huwa tertaqna, imma se jdewwina, hu sawwat, imma se jinfaxxalna l-ġrieħi. (…..) Nagħrfu ’l-Mulej, u nfittxu nagħrfuh iżjed, daqs kemm hu żgur is-sebħ, hekk il-ħruġ tiegħu.’ Il-fiduċja fil-Mulej ittina serħan żgur: ‘Hu jiġi bħalma tiġi x-xita fuqna, bħax-xita mwaħħra illi ssaqqi l-art.’ B’din it-tama l-poplu jibda l-mixja biex imur lura għand il-Mulej. U mod kif insibu lill-Mulej huwa t-talb. Nitolbu lill-Mulej, immorru lura għandu.
Fl-Evanġelju Ġesù jgħallimna kif nitolbu. Hemm żewġ irġiel, wieħed prużuntuż li jmur jitlob, imma biex jiftaħar kemm hu bravu qisu lil Alla qed jgħidlu: ‘Ara kemm jien raġel tajjeb: jekk ikollok bżonn xi ħaġa, għidli, ħalli nsolvilek il-problema!’ Hekk jindirizzah lill-Mulej, bil-prużunzjoni. Forsi kien jagħmel kulma tgħidlu l-Liġi. Hu stess jgħid: ‘Insum darbtejn fil-ġimgħa, inħallas id-deċmi fuq kulma għandi, jien raġel tajjeb.’
Dan ifakkarna f’żewġ irġiel oħra. Ifakkarna fit-tifel il-kbir tal-parabbola tal-iben il-ħali meta lil missieru jgħidlu: ‘Jien, li jien tant tajjeb, m’għamiltlix festa, u dan, bniedem miżerabbli, inti tagħmillu festa.’ Prużuntuż. L-ieħor, li smajna l-istorja tiegħu dal-ġranet, hu r-raġel għani, bla isem, imma sinjur. Lanqas ħila li jkollu isem ma kellu, imma kien sinjur, ma kien jimpurtah xejn mill-miżerja tal-oħrajn. Dawn huma ċerti minnhom infushom, ċerti minħabba flushom jew is-setgħa li għandhom.
Imbagħad hemm l-ieħor, il-pubblikan. Ma jmurx quddiem l-altar, le, jibqa’ bogħod: bilwieqfa fil-bogħod, anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’
Dan ukoll ifakkarna fl-iben il-ħali; għaraf dnubietu, l-affarijiet koroh li kien għamel, u hu wkoll beda jħabbat fuq sidru: ‘Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’.’ Ifakkarna wkoll fit-tallab l-ieħor, Lazzru, ħdejn il-bieb tal-għani, li kien jgħix il-miżerja tiegħu f’wiċċ il-prużunzjoni ta’ dak l-għani. Fl-Evanġelju dan il-kuntrast insibuh dejjem.
F’dal-każ il-Mulej qed jgħallimna kif nitolbu, kif nersqu qrib, kif nersqu qrib il-Mulej: bl-umiltà. Hemm tixbiha sabiħa fl-innu liturġiku tal-festa ta’ San Ġwann il-Battista: il-poplu kien jersaq lejn il-Ġordan, bi spirtu safi u saqajn għerja. Nitolbu b’ruħna safja, mingħajr kożmetika, bla ma nilbsu l-maskra tal-virtujiet tagħna.
Fil-bidu tal-quddiesa qrajna li Hu jaħfer id-dnubiet imma jeħtieġ li jien nurihomlu dnubieti, bl-għera tiegħi. Nitolbu hekk, għerja, b’qalbna għerja, bla ħabi, bla ma norbtu lanqas fuq dak li tgħallimna dwar il-mod kif għandna nitolbu… Nitolbu, int u jien, wiċċ imb wiċċ, b’ruħna għerja. Dan jgħallimna l-Mulej. Iżda meta mmorru għand il-Mulej xi ftit jew wisq ċerti minna nfusna, inkunu qed naqgħu fil-prużunzjoni tal-fariżew jew tal-iben il-kbir jew ta’ dak l-għani li ma kien jonqsu xejn. Is-sigurezza tagħna tkun tinsab xi mkien ieħor. Jien immur għand il-Mulej… irrid immur biex nitgħallem… u nkellmu wiċċ imb wiċċ, bil-prattika… It-triq hija li niċċekknu. Niċċekknu. It-triq hi r-realtà. U l-uniku bniedem li f’dil-parabbola kien fehem ir-realtà kien il-pubblikan: ‘Int Alla u jiena l-midneb.’ Din hi r-realtà. Imma nammetti li jien midneb mhux bil-fomm biss: minn qalbi. Inħossni midneb.
Ma ninsewx dak li jgħallimna l-Mulej: li niġġustifikaw lilna nfusna hi suppervja, kburija, ftaħir bina nfusna. Hi maskra biex nidher dak li m’iniex. U l-miżerji jibqgħu fina. Il-fariżew beda jiġġustifika lilu nnifsu. Dnubietna jeħtieġ inqerruhom kif inhuma, bla ġustifikazzjoni, bla ma noqogħdu ngħidu: ‘Għamilt dan imma mhux tort tiegħi…’. Ruħna għerja. Ruħ għerja.
Jalla l-Mulej jgħallimna nifhmu dan l-atteġġjament meta nibdew it-talb tagħna. Meta t-talb tagħna nibdewh bil-ġustifikazzjonijiet, biċ-ċertezzi tagħna, dak ma jkunx talb, inkunu qisna qed nitkellmu mal-mera. Iżda meta t-talb tagħna nibdewh bir-realtà ‘jien midneb’, ‘jien midinba’, ikun pass ’il quddiem biex inħallu lill-Mulej imexxina. Jalla l-Mulej jgħallimna dan.
Bħalma għamel dawn l-aħħar jumejn, il-Papa rreċita t-Tqarbina tax-Xewqa u temm il-quddiesa b’waqtiet ta’ adorazzjoni Ewkaristika.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.