Illum il-Knisja tfakkar lil San Sidor


Fl-4 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Sidor, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 560 sa 636.

San Sidor kien tifel ta’ familja nobbli Rumana, li kienet qed tgħix f’Kartaġena, Spanja. Tlieta minn ħutu huma wkoll qaddisin, San Leandru li kien Arċisqof ta’ Sevilla, San Fulġenzju, Isqof ta’ Astigi, u Santa Florentina.

Fis-sena 599 sar Arċisqof ta’ Sevilla, wara ħuh, u mexxa d-Djoċesi b’suċċess kbir għal 37 sena, sakemm miet fl-4 ta’ April 636.

Kien bniedem ta’ għerf kbir, u kien l-aħħar wieħed fost il-Filosofi Nsara. Kien ukoll l-aħħar wieħed fost il-Missirijiet tal-Knisja Latina, u kien l-ewwel kittieb Nisrani li għamel ‘Summa’, ġabra ta’ għerf universali. Hu ġabar xogħlijiet Latini u Griegi, li kienu jintilfu li kieku ma kienx hu. Baqa’ msemmi ħafna għall-opra tiegħu ”Etymologiae”, kollezzjoni sistematika ta’ 154 kittieb ta’ żmienu, fuq teoloġija, axxetika, storja, ġografija, astronomija, u suġġetti oħra.

San Sidor attenda t-Tieni Konċilju ta’ Sevilla fis-sena 619, u ppresieda r-Raba’ Konċilju ta’ Toledo fis-sena 633.

Ħadem ħafna biex il-Viżigoti li ddominaw Spanja għal kważi żewġ sekli, ġew ikkonvertiti mill-Arjaniżmu.

San Sidor miet fis-sena 636, ta’ 76 sena.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com