Salve Filia Patris u Vestis Honoris – Storja


Il-ġrajja tas-Salve Figlia Patris hi marbuta ma’ dik tal-Vestis Honoris  għax jidher li San Ġorġ Preca introduċa s-Salve Figlia Patris meta saret l-ewwel darba l-Vestis Honoris fl-1924. Mill-bidu t-talba kienet tingħad mhux biss fil-Vestis Honoris iżda wkoll fi tmiem l-Asssenjatur, il-laqgħa ta’kuljum tal-membri. Xhieda ta’ dan narawha fil-Kalendarji Museumini ta’ dak iż-żmien billi fl-Assenjatur ta’ kull Sibt insibu imniżżel li wara s-Sancta Trinitas  titkanta s-Salve Figlia Patris.

Kuncizzjoni BormlaMeta San Ġorġ Preca kien imur Bormla, dejjem kien jgħaddi sal-Kolleġġjata u kien jinvista l-kwadru tal-Kunċizzjoni li hemm fil-kor. Darba kellu diskors u waqt li kien iħares lejn il-kwadru bħal qisu ċċassa lejh, fil-waqt li kien hemm Soċji jistennewh ħalli jeħduh fejn kellu jagħmel id-diskors, li kellu jsir band’oħra u mhux fil-knisja. Meta resqu ħdejh biex jiġbdulu l-attenzjoni u staqsewh għax dam, qallhom  li beda jisma’ l-anġli li hemm fil-kwadru jkantaw innu mill-isbaħ u li hu beda jipprova jitgħallmu biex imbagħad jgħallmu lis-Soċji. Hekk San Ġorġ Preca għamel il-Vestis Honoris  li ġie kkunċertat fil-Museum tal-Isla mis-Superjur Tusé Briffa, li soltu San Ġorġ Preca kien isejjaħlu u jitolbu jsib il-mużika addattata, għax Tusé kien kapaċi għal dan.

Superjur minn tal-bidu tal-Museum, Giovanni Saliba jgħid li fil-Qasam ta’ Bormla kellom il-karti tal-Vestis Honoris, kollha oriġinali, b’covers tal-kartun miksi b’damask, li barra l-Vestis u s-Salve Figlia Patris. kellhom sitt avvertenzi: li l-Vestis isir fis 7,17, u 27 tax-xahar; li jsir fl-festa tal-Kunċizzjoni u tat-Twelid tal-Verġni Mbierka; li l-Magħżulin jattednu għall-Vestis; li l-litanija titkanta minn kor ta’ sebgħa; li l-kwadru tal-Madonna jkun bħal dak tal-Kor ta’ Bormla u li jinxtegħlu tnax il-lampjun quddem l-immaġni tal-Kunċizzjoni.

Jidher li  San Ġorġ Preca ħa s-Salve Figlia Patris minn din it-talba li kienu jgħidu San Bernard u San Bonaventura biex waqt il-mewt il-Madonna tkun l-avukata tagħna:

  • Sliem’għalik O Bint il-Missier etern Alla; omm Alla, itlob għalina

Ave Maria

  • Sliem’għalik O omm l-Iben etern Alla; omm Alla, itlob għalina
  • Sliem’għalik O għarusa ta’ l-Ispirtu etern Alla; omm Alla, itlob għalina

Ave Maria

  • Sliem għalik O tempju ħaj, O għamara xierqa tas-Santissima Trinità; omm Alla, itlob għalina

Ave Maria

Marija omm tal-grazzji, Marija omm tal-ħniena, mill-għedewwa ddefendina u waqt mewtna rċievi l-imsejkna ruħ tagħna.

Is-Superjur Ġenerali tal-Museum, Ċikku Saliba kien jgħid li l-Magħżulin, adolexxenti ‘l fuq minn 12-il sena, kienu jtennu s-Salve Figlia Patris fil-viżta lil Ġesù Sagramentat li kienu jagħmlu nhar ta’ Ħadd wara l-passiġġata.

Kitba ta’ Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.