Vanġelu (Ġw 3, 16-18): Immaġina li int u ħabib tiegħek tkunu f’vagun ta’ ferrovija waħedkom. Tul il-vjaġġ tiddiskutu diversi suġġetti: pulitka, razziżmu, gwerer, Knisja, Papa, il-familja, vjolenza, eċċ.
Ħin minnhom jidħol wieħed raġel liebes pulit u jpoġġi ħdejkom. Intom tkomplu titkellmu u dar-raġel ikompli magħkom. Jagħmel ftit mistoqsijiet li jgħinukom tirriflettu, taħsbu u taslu għal xi tweġibiet sodisfaċenti. Meta jasal fl-istazzjon tiegħu jinżel. Int issaqsi lil sieħbek: “Dan min kien u minn fejn inqala’? Kellu raġun f’kollox!” Tasal id-dar u tgħid lil qrabatek x’kien ġara. Dawn isaqsuk: “Min kien? X’fattizzi kellu? Twil, ikrah, ismar?” U int twieġeb: “Ma nafx.” “Kif ma tafx: dan kandidat għall-premju Nobel għall-paċi!” “Veru. Imma aktar tajna każ x’kellu jgħid għal tlett sigħat milli x’kien liebes jew min kien; u għax, wara li smajnieh, inbdilna, u bdejna nirraġunaw mod ieħor fuq ħafna suġġetti.”
- Il-vanġelu tal-lum hu silta mid-djalogu ta’ Ġesu ma’ Nikodemu. Huma biss tliet sentenzi, imma hemm bżonn inżidu tnejn oħra, għax fil-fatt huma meditazzjoni u riflessjoni ta’ Ġwanni wara l-Għid. Huma tweġiba għall-mistoqsijiet tad-dixxipli: “Imma min hu tassew dan Ġesu ta’ Nazareth, dan Ġesu li qattajna tliet snin ngħixu u nieklu miegħu, li qallbilna ħajjitna ta’ taħt fuq u l-mod kif naħsbuha u nirraġunaw, u l-mod kif inġibu ruħna m’Alla u mal-bnedmin, ma’ min jiżbalja u jidneb, fuq il-flus, il-familja, is-sesswalita’? Min hu dan Ġesu li biddel id-dinja, u beda ordni uman ġdid?” Is-silta tal-lum twieġeb dawn il-mistoqsijiet. Hija frott tal-meditazzjoni tal-komunita’, u Ġwanni jippreżentaha madwar sittin sena wara, iggwidat mill-Ispirtu s-Santu.
- Għaliex Ġwanni daħħal din is-silta bħala parti mid-djalogu bejn Ġesu u Nikodemu? Għax dan il-Fariżew hu simbolu ta’ wieħed miexi fid-dlam tal-lejl u li qed ifittex id-dawl. Hemm ftit minn Nikodemu f’kull wieħed u waħda minna, għax aħna il-ħin kollu infittxu d-Dawl. Nikodemu jagħmel mixja – jiġi fid-dalma tal-lejl u jerġa’ jmur fid-dlam. Jerġa’ jidher fis-Sinedriju meta jaqbeż għal Ġesu: “Il-liġi tagħna tgħid li nistgħu niġġudikaw bniedem qabel ma nisimgħu x’qed jagħmel, x’qed jgħid u kif qed jgħix?” Sħabu l-Fariżej insultawh: “Mela ma tafx li l-ebda profeta mhu se joħroġ mill-Galilija?” Fl-aħħar, Nikodemu jsib id-dawl, u narawh ġej bil-fwejjaħ biex jidlek lil Ġesu qabel id-difna. Għaraf li Ġesu kien l-Għarus li tant ħabb l-umanita’ li ta ħajtu għaliha.
- Hawn Ġwanni jagħti t-tweġiba tiegħu lill-Komunita’ Nisranija. Wara sittin sena, x’opinjoni iffurmaw fuq Ġesu ta’ Nazareth? “Ġesu, wara li ħabb lil Tiegħu, ħabbhom sal-aħħar,” i.e. wera mħabbtu b’mod li ma setax jagħmel aktar milli għamel, milli ta l-istess ħajtu għalihom. Ġwanni għaraf li Ġesu hu r-rivelazzjoni tal-Missier: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex, kull min jemmen, ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”. (a) L-ewwel riflessjoni: Alla mhux dak li jikkastiga, jikkundanna u jippreferi poplu minn ieħor, imma li, permezz ta’ Ġesu, wera ruħu bħala Imħabba bla limiti. (“Imħabba” nsibuha 110 darba fit-Testment il-Ġdid; 72 minnhom fi Ġwanni). L-iskop ta’dil-Imħabba hija r-rigal tal-ħajja, l-aktar dik eterna: “..ikollu l-ħajja ta’dejjem” mhux biss wara l-mewt imma anki issa. Ġesu qal lil Nikodemu: “Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu.” Dak in-nhar li jien twelidt fl-Ispirtu, jien bdejt ngħix il-ħajja tal-Etern, il-ħajja Divina, il-ħajja ta’ Alla l-Għoli. Id-dixxipli fehmu li l-Missier irid jagħti l-ħajja eterna bħala rigal lil kull wieħed minna. (b) It-tieni: Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, biex jippremja t-tajbin u jikkastiga lill-ħżiena. Il-Fariżej kienu jirraġunaw hekk. Alla hu Missier kulħadd, anki dawk li ma jħallux lil Ġesu iġib il-ħajja eterna f’ħajjithom. Fraġli kemm huma fraġli, Alla xorta jridhom isalvaw, bħalma jrid lil kulħadd isalva permezz t’Ibnu. (c) It-tielet: “…fid-dinja” – fi Ġwanni id-dinja tirreferi għan-nies li ma jilqgħux l-aħbar it-tajba. Għalhekk Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex dawn isalvaw, jiġifieri (i) jirrejalizzaw l-identita’ tagħhom ta’ bnedmin, maħluqin xbieha t’Alla; (ii) jiżviluppaw fihom l-imħabba ta’ Ġesu u jħallu dil-ħajja Divina toħroġ fil-beraħ. Jekk titfa’ żerriegħa fil-ħamrija, biex issalvaha trid tħalliha tiżviluppa u tikber. Jekk tibblokka lil Ġesu milli jiber fik billi ma tħobbx, ma tistax issalva. [Hawn mhux qed nitkellmu fuq meta tmut fil-grazzja t’Alla u tmur il-Ġenna, imma issa f’dil-ħajja, kif għadna kif spjegajna f’(i) u (ii).] (d) Ir-raba’: “Min jemmen, ma jkunx iġġudikat”. “Jemmen” i.e. jaċċetta l-proposti u t-tagħlim ta’ Ġesu, u jħalli d-dawl Tiegħu imexxilu ħajtu. Kważi kważi l-anqas ikollu bżonn tal-Kmandamenti għax ikun l-istess Spirtu li jkun qed imexxih kif imiss. (e) Il-ħames: “Min ma jemminx” ikun qed jirrifjuta l-proposti ta’ Ġesu u jħalli l-egoiżmu biss imexxilu ħajtu. “Ġa kkundannat” għax ikun qed jirrifjuta l-ħajja, jirvina l-eżistenza tiegħu ta’ bniedem u jirriduċieha għall-vojt, għall-baħħ, għal ħaġa bla sens. Mhux Alla jikkundanna imma dat-tip ta’ bniedem ikun qed jikkundanna lilu nnifsu. Nerġa’ ngħid: salvezza u kundanna f’dil-ħajja, mhux ta’ wara l-mewt.
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini