70. Il-Fraternità Saċerdotali tfisser Koperazzjoni


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 01/09/1993.

1. Il-“komunità saċerdotali” jew presbiterju, li dwarha tkellimna fil-katekeżio preċedenti, tinvolvi fost dawk li jagħmlu parti minnha xibka ta’ relazzjonijiet reċiproċi li jillokalizzaw ruħhom fl-isfera tal-kumunjoni ekkleżjali oriġinata mill-Magħmudija.

Is-sors l-iktar speċifiku ta’ tali relazzjonijiet huwa l-parteċipazzjoni komuni sagramentali u spiritwali fis-saċerdozju ta’ Kristu, li minnu joħroġ sens spontanju ta’ appartenenza għall-presbiterju.

Dan enfasizzah il-konċilju: “Il-Presbiteri li jiffurmaw ruħhom fl-Ordni tal-Presbiterjat permezz tal-Ordinazzjoni, huma lkoll magħqudin bejniethom mionn fraternità sagramentali ntima; imma b’mod speċjali huma jiffurmaw Presbiterju uniku fid-dijoċesijiet li għas-servizz tagħhom huma allokati taħt l-Isqof tagħhom” (Presbyterorum Ordinis, 8). Minħabba dan ir-rapport għal dan il-Presbiterju dijoċeżan, minħabba l-għarfien, viċinanza u drawwa mutwi ta’ ħajja u ta’ xogħol, jiżviluppa ruħu maġġorment dak is-sens tal-appartenenza li joħloq u jitma l-komunjoni fraterna u jiftaħha fil-kollaborazzjoni pastorali.

L-irbit tal-karità pastorali jesprimi ruħu fil-ministeru u fil-liturġija, bħal ma mill-ġdid jinnota l-Konċilju: “Kull wieħed huwa magħqud mal-membri l-oħra ta’ dan il-Presbiterju minn irbit partikolari ta’ karità apostolika, ta’ ministeru u ta fraternità: li jiġi rappreżentat liturġikament, sa miż-żminijiet l-iktar antiki, fiċ-ċerimonja li fiha l-Presbiteri assistenti għall-Ordinazzjoni huma mistiedna biex iqiegħdu jdejhom, flimkien mal-Isqof li jordna fuq ir-ras tal-magħżul ġdid, jew ukoll jiċċelebraw l-Imqaddsa Ewkaristija f’għaqda ta’ attakkament” (Ivi). Ikun hemm f’dawn il-każijiet r-rappreżentazzjoni tal-komunjoni sagramentali, imma wkoll dik spiritwali, li ssib fil-liturġija l-“una vox”biex tiddikjara lil Alla u tixhed għall-aħwa l-unità tal-ispirtu.

2. Il-fraternità saċerdotali tesprimi ruħha wkoll fl-unità tal-ministeru pastorali, fil- firxa wiesgħa ta’ obbligi, ta’ dipartimenti u ta’ attivitajiet li għalihom ikunu assenjati l-Presbiteri, li “wkoll jokkupaw l-obbligi differenti, jeżerċitaw dejjem ministeru saċerdotali uniku favur il-bnedmin” (Ivi).

Il-varjetà tad-dmirijiet tistà tkun notevoli. Hekk, biex nissimplifikaw, il-ministeru fil-parroċċi u dak interparrokkjali jew sopraparrokkjali, l-opri dijoċeżani nazzjonali, internazzjonali, it-tagħlim fl-iskejjel, ir-riċerka, l-analiżi, it-tagħlim fis-setturi differenti tad-dutrina reliġjuża u tejologali, kull apostolat f’forma ta’ xhieda kultant bil-kultivazzjoni u t-tagħlim ta’ xi friegħi ta’ xi għarfien uman; u iktar, it-tixrid tal-messaġġ evanġeliku permezz tal-medja, l-arti reliġjuża fl-espressjonijiet kollha tagħha, is-servizzi multipli ta’ karità, l-assistenza morali lill-kategoriji varji ta’ riċerkaturi jew ta’ operaturi, u fl-aħħarnett, illum attwalissmi u mportantissmi, l-attivitajiet ekumeniċi. Din il-varjetà ma tistax ma toħloqx xi kategoriji jew xi diżlivelli għaliex hawn jidħlu dmirijiet li għall-Presbiteri jerġgħu dejjem jidħlu fil-pjan ta’ evanġelizzazzjoni. “Huwa ċar – ngħidu mal-Konċilju – li lkoll jaħdmu għall-istess kawża, jiġifieri għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, li jesiġi funzjonijiet multepliċi u addattamenti ġodda, speċjalment f’dawn iż-żminijiet” (Ivi).

3. Huwa għalhekk importanti li kull Presbiteru jkun dispost – u ffurmat b’mod konvenjenti – biex jifhem u jistmà l-opra mwettqa minn ħutu fis-saċerdozju. Din hija kustjoni ta’ spirtu nisrani u ekkleżjali, barra minn ftuħ għas-sinjali taż-żminijiet. Huwa għandu jkun jaf jifhem, per eżempju, li hemm diversità ta’ kariżmi u ta’ doni; hemm barra minn hekk diversità ta’ modi ta’ konċepiment u ta’ twettiq tal-opri apostoliċi, ladarba jistgħu jkunu proposti u wżati metodi ġodda ta’ xogħol fil-qasam pastorali, waqt li jżommu ruħhom dejjem fl-isfera tal-komunjoni ta’ fidi u ta’ azzjoni tal-Knisja.

Il-ftehim reċiproku huwa l-bażi tal-għajnuna mutwa fl-oqsma differenti. Nerġgħu nirrepetuh mal-Konċilju: “Huwa estremament meħtieġ li l-Presbiteri kollha, kemm dijoċeżani kif ukoll reliġjużi jgħinu lilhom infushom alenija, b’mod li jkunu dejjem koperaturi tal-verità” (Ivi). L-għajnuna reċiproka tistà tingħata b’bosta modi: mid-disponibiltà għas-self ta’ dak li jkun lil-Sieħbu fil-bżonn tal-accettazzjoni li jipprogrammaw ix-xogħol skont spirtu ta’ koperazzjoni pastorali li jirrivela ruħu dejjem iktar meħtieġ fost il-korpi u l-gruppi differenti u fl-istess ħin ordinament globali tal-apostolat. Għal dan il-għan, dak li jkun għandu jżomm preżenti li l-istess parroċċa (bħal ma kultant ukoll id-dijoċesi), minkejja li jollha l-awtonomija tagħha, ma tistax tkun gżira, b’mod speċjali fi żmien bħal tagħna, li fih jiffjorixxu l-mezzi tal-komunikazzjoni, il-mobilità tan-nies, il-konfluwenza f’ċerti punti ta’ attrazzjoni, l-approvazzjonijiet ġodda ta’ tendenzi, drawwiet, modi, orarji. Il-pasrroċċi huma organi ħajjin tal-uniku Ġisem ta’ Kristu, tal-unika Knisja, li fiha jinġabru u jinqdew kemm il-membri tal-komunità lokali, kif ukoll dawk kollha li għal kwalunkwè raġuni jiġru ‘l hemm f’ċertu waqt li jistà jfisser id-dehra ta’ Alla f’kuxjenza, f’ħajja. Naturalment dan m’għandux isir sors ta’ diżordni jew ta’ irregolarità fir-relazzjoni għal-liġijiet kanoniċi, li huma wkoll għas-servizz tal-pastorali.

4. Sforz partikolari ta’ fehim mutwu u ta’ għajnuna reċiproka huwa ta’ min jittamah u jiffavorih b’mod speċjali fir-rapporti bejn il-Presbiteri l-iktar anzjani u dawk żgħażagħ: it-tnejn li huma huma hekk meħtieġa għall-komunità nisranija, u hekk għeżież għall-Isqfijiet u għall-Papa. Huwa l-Konċilju nnifsu li jirrakkomanda lill-anzjani li jkollhom fehim u simpatija għall-inizjattivi taż-żgħażagħ; u liż-żgħażagħ biex ikollhom rispett għall-esperjenza tal-anzjani u biex jaħżnu fihom l-fiduċja tagħhom; lit-tnejn li huma biex jitrattaw lil xulxin b’effett sinċier, skont l-eżempju mogħti minn tant saċerdoti tal-bieraħ u tal-lum  (cf. Ivi).

Kemm ħwejjeġ jitilgħu mill-qalb għax-xuftejn dwar dawn il-punti, li fihom timmanifesta ruħha b’mod konkret il-“komunjoni saċerdotali” li torbot lill-Presbiteri! Nikkuntentaw ruħna billi nirreferu dawk issuġġeriti mill-Konċilju: “Imħeġġa minn spirtu fratern, il-Presbiteri ma jittraskurawx l-ospitalità (cf. Lh 13, 1-2), jipprattikaw il-benefiċenza u l-komunità tal-ġid (cf. Lh 13, 16), waqt li jkollhom kura speċjali ta’ dawk li huma morda, immnikkta, mgħobbija bix-xogħol, weħedhom, jew fl-eżilju,  kif ukoll ta’ dawk li jbatu mill-persekuzzjoni (cf. Mt 5, 10)” (Ivi).

Kull Ragħaj, kull Saċerdot, waqt li jterraq b’lura t-triq ta’ ħajtu, isib miżrugħa l-esperjenza tal-bżonn ta’ fehim, għajnuna, koperazzjoni ta’ tant Konfratelli, kif ukoll ta’ fidili oħrajn, li jinstabu taħt forom differenti ta’ bżonn li għadna kemm semmejna; u ta’ bosta oħrajn! Min jaf jekk kienx possibbli jsir iktar għal dawk l-“imsejkna” kollha, maħbubin mill-Mulej u minnu afdati għall-karità tal-Knisja. Ukoll għal dawk li, bħal ma jfakkarna l-Konċilju (Ivi), setgħu jsibu ruħhom f’waqtiet ta’ kriżi. Għalkemm fl-għarfien li segwejna l-leħen tal-Mulej u tal-Vanġelu, irridu nipproponu kuljum li nagħmlu dejjem iżjed u dejjem aħjar għal kulħadd.

5. Il-Konċilju jissuġġerixxi wkoll xi inizjattivi komunitarji biex jippromwovi l-għajnuna reċiproka fil-każijiet ta’ bżonn, u wkoll b’mod permanenti u kważi istituzzjonali favur il-konfratelli.

Jaċċenna b’mod speċjali għal rijunjonijiet fraterni perjodiċi bi skop ta’ distensjoni u ta’ mistrieħ, biex iwieġbu għall-esiġenza umana ta’ ksib lura tal-forzi fiżiċi, psikiki u spiritwali, li diġa l-“Mulej u Mgħallem” Ġesù, fl-attenzjoni delikata tiegħu għall-kondizzjonijiet tal-oħrajn, kellu prteżenti meta għadda l-istedina lill-Appostli: “Ejjew fil-ġenb, f’post solitarju, u strieħu ftit!” (Mk 6, 31). Din l-istedina tgħodd ukoll għall-Presbiteri f’kull epoka, u f’tagħna ferm iktar, minħabba l-pressjoni tal-okkupazzjonijiet u l-kumplikazzjoni tagħhom ukoll fil-ministeru pastorali (cf. PO 8).

Il-Konċilju jinkoraġġixxi imbagħad l-inizjattivi li jimmirraw biex jirrendu possibbli u aġevoli b’mod permanenti l-ħajja komuni tal-Presbiteri, ukoll f’forma ta’ koabitazzjoni istitwita u ordnata b’mod għaref, jew talinqas ta’ mejda aċċessibbli b’mod faċli u prattikabbli f’postijiet konvenjenti. Ir-raġunijiet mhux biss ekonomiċi u prattiċi, imma wkoll spiritwali, ta’ tali inizjattivi, f’armonija mal-istituzzjonijiet tal-komunità primittiva ta’ Ġerusalem (cf. At 2, 46-47), huma evidenti u pressanti fil-kondizzjoni tallum ta’ bosta Presbiteri u Prelati, li għalihom hemm bżonn noffru attenzjoni u kura biex inħaffulhom id-diffikultajiet u x-xogħol (cf. PO 8).

“Għandhom ukoll jinżammu f’konsiderazzjoni kbira u diliġentament inkuraġġiti l-assoċjazzjonijiet li, a bażi ta’ statuti magħrufa mill-awtorità ekkleżjastika kompetenti, iqanqlu – grazzi għal mod ta’ ħajja konvenjenti ordnat u approvat – il-qdusija tas-Saċerdoti fl-eżerċizzju tal-ministeru tagħhom, u jimmiraw b’tali mod għas-servizz tal-ordni kollha tal-Presbiteri” (Ivi).

6. Din l-aħħar esperjenza f’mhux ftit postijiet saret minn saċerdoti qaddisin ukoll fl-imgħoddi. Il-Konċilju jixtieqhom u jħeġġeġ l-estensjoni l-iktar possibbli, u ma naqsux istituzzjonijiet ġodda, li minnhom jiġi benefiċċju kbir għall-kleru u għall-poplu nisrani. Il-fjoritura u l-effett tagħhom huwa proporzjonali mat-twettiq tal-kondizzjonijiet iffissati tal-Konċilju: l-iskop tas-santifikazzjoni saċerdotali, l-għajnuna fraterna fost il-Presbiteri, il-komunjoni mal-awrorità ekkleżjastika, fil-livell dijoċeżan jew f’dak tas-sede apostolika, skont il-każijiet. Din il-komunjoni tinħtieġ xi statuti approvati bħala regola tal-ħajja u tax-xogħol, li mingħajrhom il-membri jkunu kważi inevitabilment kkundannati għad-diżordni jew għall-impożizzjonijirt arbitrarji ta’ xi personalitajiet iktar qawwija. Din hija problema antika għal kull forma ta’ assoċjazzjoni, li tippreżenta ruħha wkoll fil-qasam reliġjuż u ekkleżjastiku. L-awtorità tal-Knisja twettaq il-missjoni tagħha ta’ servizz lejn il-Presbiteri u l-fidili kollha ukoll bl-iżvolġiment ta’ din il-funzjoni ta’ dixxerniment tal-valuri awtentiċi, ta’ protezzjoni tal-libertà spiritwali tal-persuni u ta’ garanzija tal-validità tal-assoċjazzjonijiet, bħal tal-ħajja kollha tal-komunitajiet.

Ukoll f’dan ifisser l-attwazzjoni tal-qaddis ideali tal-“komunjoni saċerdotali”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb