114. It-Talb huwa l-unika ħaġa meħtieġa


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 04/01/1995.

1. Fit-tradizzjoni nisranija dejjem kien attribwit post prominenti lill- kontemplazzjoni bħala espressjoni l-iktar għolja tal-ħajja spiritwali u mument kulminanti tal-proċess tat-talb.

L-att kontemplattiv jagħti milja ta’ sinifikat lill-ħajja reliġjuża, tkun liema tkun, bħala konsegwenza tal-konsagrazzjoni speċjali tal-professjoni tal-pariri evanġeliċi. Bis-saħħa ta’ din il-konsagrazzjoni, il-ħajja reliġjuża hija – u ma tistax ma tkunx – ħajja ta’ talb u allura ta’ kontemplazzjoni, ukoll meta fl-impostazzjoni tal-ispiritwalità u fil-prattika l-ħin attribwit għat-talb la jkun rsklussiv u linqas predominanti.

Minħabba f’hekk il-Konċilju jiddikjara: “Huwa meħtieġ li l-membri ta’ kwalunkwè Stitut, għandu jkollhom il-mira unikament u fuq kull ħaġa lil Alla bil-moħħ u bil-qalb, u l-ħeġġa apostolika” (Perfectae Caritatis, 5). Hekk il-Konċilju jenfasizza li l-kontemplazzjoni ma timponix ruħha biss fl-istituti ta’ ħajja purament kontemplattiva. Imma fl-istituti kollha, ukoll f’dawk li jiddedikaw ruħhom għal opri apostoliċi mpenjattivi ħafna. L-impenn tat-talb huwa essenzjali f’kull ħajja kkonsagrata.

2. Dan huwa dak li nifhmu mill-Vanġelu li għalih jirreferixxi l-istess Konċilju. Episodju evanġeliku iktar b’mod partikolari msemmi (cf. Perfectae Caritatis, 5) huwa dak ta’ Marija ta’ Betanja li, “bilqiegħda f’riġlejn Ġesù kienet qiegħda tismà kelmtu”. Lil Marta, li kienet xtaqet li oħtha tgħinha fis-servizz u għalhekk kienet talbet lil Ġesù biex iħeġġigha tmur tgħinha, l-Imgħallem wieġeb: “Marija għażlet l-aħjar biċċa, li m’għandhiex titteħdilha”  (Lq 10, 38-42). Is-sinifikat ta’ din it-tweġiba huwa trasparenti: l-“aħjar parti” tikkonsisti fis-smigħ ta’ Kristu waqt li tibqà qribu, f’għaqda ta’ spirtu u ta’ qalb. Hawn hu għaliex fit-tradizzjoni nisranija, ispiratha mill-Vanġelu, il-kontemplazzjoni tgawdi minn prijorità indiskussa fil-ħajja kkonsagrata. Barra minn dan l-Imgħallem fit-tweġiba tiegħu jġegħel tifhem lil Marta li l-għaqda mal-persuna tiegħu, ma’ kelmtu, mal-verità li huwa jirrivela u jagħti min-naħa ta’ Alla, hija “l-unika ħaġa (tassew) meħtieġa”. Bħallikieku ried jgħid li Alla – u l-istess Ibnu magħmul bniedem – jixtieq l-qima tal-qalb qabel il-qima tal-attività: u li s-sens tar-reliġjon inawgurat fid-dinja minn Ġesù huwa adura “lill-Missier fi spirtu u verità” (Ġw 4, 24), bħal ma hu stess iħobb, skont it-tagħlim mogħti lis-Sammaritana.

3. F’din il-prijorità tal-qima tal-qalb il-Konċilju jgħallem li dak li jkun jara wkoll it-tweġiba ġusta għall-imħabba ta’ Alla li kien l-ewwel li ħabbna (cf. Perfectae Caritatis, 6). L-ikkonsagrati, imfittxija b’mod privileġġjat mill-Missier, huma msejħin biex min-naħa tagħhom “ifittxu lil Alla”, biex jiżvolġu x-xewqat tagħhom lejn il-Missier, biex iżommu kuntatti ta’ talb miegħu, biex jirregalawlu qalbhom b’imħabba tħeġġeġ.

Din l-intimità ma’ Alla tkun attwata minnhom fil-ħajja ma’ Kristu u fi Kristu. Jgħid il-Konċilju: “Fiċ-ċirkustanzi kollha jisfurzaw li jżommu ħajja l-ħajja moħbija ma’ Kristu f’Alla” (cf. Kol 3, 3) (Perfectae Caritatis, 6). U l-ħajja moħbija li dwarha San Pawl jesprimi l-liġi fundamentali: aħsbu “fil-ħwejjeġ ta’ hemm fuq, mhux dwar dawk tal-art” (Kol 3, 2). Dan l-aspett moħbi tal-għaqda intima ma’ Kristu se jirrivela ruħu fil-verità u s-sbuħija tiegħu profonda meta nsibu ruħna fid-dinja l-oħra.

4. Fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni essenzjali tal-ħajja kkonsagrata, il-Konċilju jirrakkomanda:

“Il-membri tal-Istituti (reliġjużi) jikkultivaw b’regolarità l-ispirtu tat-talb u bit-talb stess” (Perfectae Caritatis). Hawn biżżejjed nispjegaw li l-“ispirtu tat-talb” jidentifika ruħu mal-atteġġjament tar-ruħ li għandha l-għatx tal-intimità divina u tisforza biex tgħix f’din l-intimità, b’dedikazzjoni totali tagħha nfisha. Dan l-atteġġjament jesprimi ruħu fit-talb konkret, li għalih tiddedika ċertu ħin f’kull jum tal-ħajja. F’dan ukoll timita lil Ġesù, li wkoll fil-perijodu l-iktar intens tal-ministeru tiegħu kien jirriserva xi waqtiet ta’ djalogu esklussiv mal-Missier fit-talb solitarju (cf. Mk 1, 35; Lq 5, 16; 6, 12).

5. Huwa magħruf li fit-tradizzjoni nisranija wieħed setà jiddistingwi diversi forom ta’ talb, u b’mod partikolari it-talb “flimkien” u it-talb “solitarju”. It-tnejn huma utli u b’mod ġenerali preskritti. Forsi huwa dejjem li dak li jkun jevita li t-talb flimkien jeqred id-drawwa ta’ dak solitarju, jew li dan isir hekk predominanti li jelimina jew jiżvaluta dak komuni. Spirtu ġenwin ta’ talb evanġeliku jirregola ż-żewġ forom skont doża benefika għar-ruħ, li l-Fundaturi jew il-Leġiżlaturi tal-Istituti reliġjużi jistabilixxu f’sintonija mal-awtorità tal-Knisja.

L-istess jistà jiġi rrepetut dwar id-distinzjoni bejn it-talb vokali u t-talb mentali, jew “orazzjoni”. Fir-realtà, kull talb għandu jkun talb tal-qalb.

Ġesù jirrakkomanda t-talb umli u sinċier: “Itlob lil Missierek fis-skiet” (Mt 6, 6), waqt li tħoss li mhijiex il-kwantità tal-kliem li tassikura s-smigħ (Mt 6, 7). Imma huwa daqstant veru li t-talb intern ifittex, minħabba n-natura stess tal-bniedem, li jesprimi ruħu u jespandi ruħu fil-kliem, fil-ġesti, f’numru ta’ atti tal-kult hekk imsejjaħ estern, li l-qalba tiegħu tibqà dejjem it-talb tal-qalb.

6. Il-Konċilju jindika mill-ġdid is-“sorsi ġenwini tal-ispiritwalità nisranija” u tat-talb  (Perfectae Caritatis, 6): dawn huma l-iskrittura Mqaddsa, li minnha jissuġerixxi l-qari u l-meditazzjoni biex dak li jkun jidħol b’mod iktar profond fil-misteru ta’ Kristu, u l-liturġija, b’mod speċjali ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, bl-għana tal-qari tagħha, is-sehem sagramentali fl-offertà redentriċi tas-Salib, il-kuntatt ħaj ma’ Kristu, ikel u xorb fit-Tqarbin. Xi stituti jippromwovu wkoll il-prattika tal-adorazzjoni ewkaristika, li kapaċi tiffavorixxi l-kontemplazzjoni u l-attakkament mal-persuna ta’ Kristu, u biex tixhed l-attrattiva li l-preżenza tagħha teżerċità fuq l-umanità (cf. Ġw 12, 32). Ma jistgħux ma jkunux imfaħħra u proposti għall-imitazzjoni.

7. Nafu llum, bħal dejjem fil-passat, bl-Istituti “ddedikati għal kollox għall-kontemplazzjoni” (Perfectae Caritatis, 7). Dawn għandhom posthom fil-ħajja tal-Knisja, minkejja “l-bżonn urġenti ta’ apostolat” li llum jinħass fid-dinja. U l-għarfien konkret tal-kelma ta’ Kristu dwar l-“uniku meħtieġ”. Il-Knisja tinħtieġ dan it-talb tal-kontemplattivi biex tikber fl-għaqda tagħha ma’ Kristu u biex tikseb il-grazzji meħtieġa għall-iżvilupp tagħha fid-dinja. Il-kontemplattivi, l-irħieb, il-monasteri tal-klawsura huma mela wkoll xi xhieda tal-prijorità li l-Knisja tattribwixxi għat-talb u tal-fedeltà li hija trid li tkun ikkonservata għat-rweġiba mogħtija minn Ġesù lil Marta rigward “l-aħjar parti” magħżula minn Marija.

8. Hemm bżonn f’dan il-punt infakkru li t-tweġiba għall-vokazzjoni kontemplattiva tinvolvi sagrifiċċji profondi, b’mod partikolari dak taċ-ċaħda għal attività direttament apostolika, li b’mod speċjali llum donnha hekk naturali għall-maġġoranza tal-insara, irġiel u nisa. Il-kontemplattivi jiddedikaw ruħhom għall-kult tal-Etern, u “joffru lil Alla sagrifiċċju ta’ tifħir eċċellenti” (Perfectae Caritatis, 7),fi stat ta’ oblazzjoni personali hekk elevat li jitlob vokazzjoni speċjali, li jinħtieġ tiġi vverifikata qabel l-ammissjoni jew qabel il-professjoni definittiva.

Iżda ta’ min jinnota li l-istituti kontemplattivi għandhom fil-Knisja funzjoni apostolika. Infatti t-talb huwa servizz lill-Knisja u lill-erwieħ. Din tipproduċi “frott abbundantissmu ta’ qdusija” u tipprovdi lill-poplu ta’ Alla “fertilità apostolika misterjuża” (Perfectae Caritatis, 7). Infatti nafu li l-kontemplattivi jitolbu u jgħixu għall-Knisja u spiss jiksbu għas-sosten u l-progress tagħha ġrazzji u għajnuna ċelesti ferm superjuri għal dawk imwettqa bl-azzjoni.

F’dan ir-rigward huwa sabih li nikkonkludu l-katekeżi preżenti bit-tifkira ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li bit-talb tagħha u s-sagrifiċċju tagħha kien iservi għall-evanġelizzazzjoni kif u iktar milli kieku kienet kollha kemm hi ddedikata għall-azzjoni missjunarja. Tant li kienet ipproklamata Patruna tal-Missjonijiet. Dan jenfasizza l-importanza essenzjali tal-Istituti tal-ħajja kontemplattiva u jsejjaħ għall-bżonn li l-Istituti kollha tal-ħajja kkonsagrata, dawk ukoll ddedikati għall-apostolat l-iktar qawwi u l-iktar varju, ifakkru li l-attività – ukoll dik l-iktar qaddisa u benefika favur il-proxxmu – ma tiddispensa qatt mit-talb bħala  tribut tal-qalb, tal-moħħ u tal-ħajja kollha lil Alla.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb