L-Ewkaristija: l-ikel tal-maħfra


Għall-grazzja tal-Mulej il-bibien tal-Knejjes tagħna issa uffiċjalment miftuħa għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija! Xi ħadd kiteb: “Ħafna membri tal-Poplu ta’ Alla – tista’ tgħid kważi dawk kollha fostna li jemmnu – huma mxennqin għall-Ewkaristija.”

Din ix-xenqa tabilħaqq tagħmel sens! Il-Poplu tal-Mulej ma jistax jgħaddi mingħajr ma jirċievi il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej Ġesù Kristu! Skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika u tal-Isqfijiet tagħna, anki jekk b’xi restrizzjonijiet, se nerġgħu lura għaċ-ċelebrazzjoni għall-poplu tas-sagrament tas-sagramenti, is-sagrament tal-Ewkaristija. Sabiħa li issa, skont ix-xenqa ta’ ħafna minna, it-tqarbina se tibda’ tifforma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum!

Is-sagrament tal-Ewkaristija nsejħulu wkoll is-sagrament tal-imħabba. Imma x’imħabba qed nitħaddtu fuqha? Żgur mhux dik li nkunu taz-zokkor ma’ min ikun taz-zokkor magħna! Tgħidilna l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu: U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna (1 Ġw 4:10). Dan it-test jurina ċar u tond li l-imħabba, kif jifhimha l-Mulej, u li fuqha se jiddependi l-futur etern tagħna, hi li nkunu taz-zokkor ma’ min magħna jkun taż-żonqor! Żgur li dan ma tantx jagħmilna mxenqin! Aħna li n-natura tagħna tgħidilna: sellmu lil min isellmilkom! U agħmlu l-ġid BISS lil min hu tal-klikka tagħkom!

L-Ewkaristija hi s-sagrament li jwassalna ngħixu din is-sentenza: “Kun ħanin u ħanina ma’ min ħniena ma jafx jispellieha! Għax hu u hi l-aktar li jinħtieġuha”. L-Ewkaristija tfakkarna li “l-imħabba u l-ħlewwa qatt m’huma moħlija. Dejjem jagħmlu differenza. Ibierku lil min jirċeviehom u jbierku lilek, li tagħtihom”.

Għalhekk, min veru hu mxennaq u mxennqa għall-Ewkaristija hu mexxennaq u mxennqa li jaħfer! U jekk din ix-xenqa mhux qiegħdha fih u fiha allura l-Ewkaristija issirlu u issirilha rutina u mhux konverżjoni vera tal-qalb! Kos hux! Kemm-il qalb iebsa toffri restrizzjoni u oppożizzjoni dijabolika għas-Saħħa tagħna, li naħfru minn qalbna lil min jagħmlilna d-deni! Hijiex il-maħfra li għandna bżonn nikbru bħala Knisja, saċerdoti, persuni ikkonsagrati u lajċi? Hijiex il-maħfra il-vera saħħa pubblika li tabilħaqq għandna bżonn?

Mulej, agħtini ħerqa biex naħfer! Għalxejn niġi nirċevik jekk qalbi mnawra bil-mibegħda, bil-pika, bil-klikkek, bil-pjanijiet kif ħa nkisser lil min ma jaqbilx miegħi u lil min, għax hu differenti minni, jien nagħmillu u nagħmlilha gwerra feroċi. Agħtini esperjenza spiritwali tal- maħfra Mulej! Għall-maħfra qalbi hi vera mxennqa! Inkella ħajti tibqa’ imkissra u mfarrka! Iftaħli qalbi Mulej għall-imħabbtek mimlija ħniena. Berikni waħda sew bi ħnientek u bija bierek lill-oħrajn! Bix-xenqa li naħfer ħa niġi nirċevik fl-Ewkaristija.

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.