Il-ġgant egoista (Storja ħelwa ta’ Ocar Wilde)

Print Friendly, PDF & Email

Huma u ġejjin mill-iskola kull filgħaxija, it-tfal kienu jmorru jilagħbu fil-ġnien tal-ġgant. Kien ġnien kbir u sabiħ, b’ħaxix aħdar, artab bellusi. ’L hawn u ’l hinn qalb il-ħaxix, kont tara fjuri sbieħ, qishom kwiekeb. Kien hemm ukoll tnax-il siġra tal-ħawħ, li fir-rebbiegħa kienu jkunu miżgħuda biż-żahar (blanzuni) roża u lewn il-perla, u fil-ħarifa kienu jipproduċu frott abbundanti. L-għasafar kienu jbejtu fuq is-siġar u jgħannu hekk sabiħ li t-tfal kienu jieqfu mil-logħob biex joqgħodu jisimgħhom. “X’hena hawn”, kienu jgħidu lil xulxin.

Il-ggant egoista _compImma darba l-ġgant reġa’ lura. Kien mar jara l-sieħbu l-ġgant minn Cornwall, u qagħad miegħu għal seba’ snin. Meta għaddew s-seba’ snin, u lil sieħbu qallu kull ma kellu jgħidlu, għax kien ta’ ftit kliem, iddeċieda jerġa’ lura fil-kastell tiegħu. U meta wasal, u ra lit-tfal jilgħabu fil-ġnien, għajjat magħhom:

“X’intom tagħmlu hawn,” qallhom b’leħen żorr u mqit? U l-imsejkna tfal ħarbu.

“Il-ġnien tiegħi, hu tiegħi, u ħadd mhu sa jmerini. ’Il ħadd mhu sa nħalli jgawdieh, ħliefi.” Qal bejnu u bejn ruħu il-Ġgant. Għalhekk bena ħajt għoli mad-dawra tiegħu u waħħal avviż ma’ kartellun:

PROPRJETÀ PRIVATA.
MIN JIDĦOL HAWN
JIĠI MĦARREK.

Kien tassew ġgant egoist! Issa t-tfal ma kellhom imkien fejn jilgħabu. Ippruvaw jilgħabu fit-triq, iżda din kienet imħarbta u mimlija ġebel iebes, u m’għandniex xi ngħidu, m’għoġbithomx. Wara l-iskola kienu jgħaddu mad-dawra tal-ħajt għoli u kienu jilmentaw ma’ xulxin: “Kemm konna nkunu ferħanin hemmhekk.”

Ġiet ir-rebbiegħa, u mal-pajjiż kollu s-siġar kienu jwarrdu biż-żahar u miżgħuda bl-għasafa jgħannu. Fil-ġnien tal-ġgant egoist biss kienet qisha għada x-xitwa. L-għasafar qajla kellhom ħajra jgħannu, u s-siġar bħal insew iwarrdu. Kienet darba fjura li xirfet rasha minn ġol-ħaxix, imma meta rat il-kartellun, tant għeliet, li reġgħet iżżersqet lura fil-ħamrija, u reggħet raqdet. L-uniċi tnejn li ħadu pjaċir kienu il-borra u l-ġlata. “Ir-rebbiegħa nsietu ’l dal-ġnien,” għajtu ferħana, “u issa nistgħu nibqgħu ngħixu hawnhekk is-sena kollha.” Il-borra għattiet il-ħaxix bil-mantell kbir tagħha, u l-ġlata żebgħat is-siġar lewn il-fidda. Imbagħad stiednu r-riħ tramuntana jġi jgħix magħhom, u hu ġie. Kien imleflef fis-suf, u l-jum kollu kien ivenven mal-ġnien kollu, u jtajjar u jkisser iċ-ċmieni. “Hawn sew!” qal. “Ta’ min nistiednu s-silġ jiġi wkoll.” U s-silġ ġie wkoll. Kuljum kien iċaqċaq fuq il-bjut tal-kastell għal sigħat sħaħ sakemm kisser ħafna mill-madum tal-bejt. Imbagħad kien idur mal-ġnien, b’kemm kellu saħħa. Ilbiesu kien griż, u nifsu kien kiesaħ bħas-silġ.

“Ma nistax nifhem għala r-rebbiegħa ttardjat daqshekk,” qal il-ġgant egoist, meta jittawwal mit-tieqa u jara l-ġnien abjad u kiesaħ “nispera li t-temp jeqleb ma jdumx.”

Imma r-Rebbiegħa qatt ma ġiet, lanqas is-sajf. Il-Ħarifa tat frott dehbi lill-ġnna kollha, ħlief lill-ġnien tal-ġgant. “Egoist wisq,” qalet. Għalhekk kienet dejjem xitwa hemm. Ir-riħ tranuntana, u s-silġ, u l-ġlata, u l-borra, tgħidx kemm ixxalaw, jiżfnu u jduru qalb is-siġar.

Għodwa waħda il-ġgant kien mindud, imqajjem, fis-sodda, meta sama’ bħal mużika sabiħa. Instemgħat hekk ħelwa, li l-ġgant ħaseb li kienu għaddejjin id-daqqaqa tas-sultan. Fil-fatt ma kenitx ħlief daqsxejn ta’ ġojjin jgħanni barra t-tieqa; imma tant kien ilu ma jisma’ l-għana ta’ għasfur fil-ġnien tiegħu, li stħajjilha kienet l-isbaħ mużika fid-dinja. Imbagħad is-silġ waqaf iċaqċaq fuq rasu, ir-riħ tramuntana ma baqax ivenven, waqt li rieħa ta’ l-oħla fwieħa waslet fi mnifsejh minn tieqa mbexxqa. “Ir-rebbiegħa waslet fl-aħħar!” ħaseb il-ġgant; u qabeż mis-sodda u ttawwal ’il barra mit-tieqa. U x’ra?

Dehra tal-għaġeb! Minn toqba ċkejkna fil-ħajt, it-tfal irnexxielhom jidħlu fil-ġnien, u kienu bilqiegħda fuq il-friegħi tas-siġar. Fuq kull siġra issa kien qed jara tfajjel żgħir. U s-siġar kienu hekk ferħana li t-tfal kienu ġew lura, li mtlew biż-żahar, u bdew ixejru l-fiegħi tagħhom bil-galbu fuq irjus it-tfal. L-għasafar kienu jtiru mal-ġnien kollu jpespsu ferħana, u l-fjuri kienu jixirfu rashom daħqana minn ġol-ħaxix aħdar. Kienet dehra ħelwa tassew, ħlief għall-rokna waħda li baqgħet tidher xitwija. Kienet l-ibgħad rokna tal-ġnien, fejn kien hemm siġra, u wieqaf ħdejha, tfajjel żgħir. It-tfajjel li kien hekk ċkejken li ma kienx ilaħħaq mas-siġra biex jixxabbat magħha. Għalhekk kien jolfoq u jibki biki ta’ qsim il-qalb.

L-imsejkna siġra wkoll kienet għadha mneżża’ u miksija bis-silġ u l-borra, u r-riħ kiesaħ ivenven madwarha. “Itla, tfajjel żgħir,” qaltlu s-siġra, u mielet kemm setgħet il-friegħi tagħha; iżda t-tfajjel kien ċkejken wisq biex ilaħħaq.

Għal din id-dehra qalb il-ġgant dagħbet bil-mogħdrija. “Kemm kont egoist!” qal bejnu u bejn ruħu; “issa naf għaliex ir-rebbiegħa ma reditx tiġi fil-ġnien tiegħi. Issa mmur intella’ ’l dak l-imsejken tfajjel fuq is-siġra, imbagħad inħott dak il-ħajt, u l-ġnien tiegħi nibdlu fi playground fejn it-tfal jibqgħu jilgħabu għal dejjem.” Iddispjaċieh tassew għal dak li għamel!

Għalhekk niżel isfel, fetaħ il-bieb ta’ barra nkiss inkiss biex it-tfal ma jindunawx bih u ma jitgerxux, u ħareġ fil-ġnien. Iżda t-tfal rawh, u tant beżgħu, li ħarbu lkoll ’il barra. U l-ġnien reġa’ sar xitwa.

It-tfajjel ċkejken biss, baqa’ hemm għax, billi għajnejh kienu mimlijin dmugħ, ma rax lill-ġgant ġej. Il-ġgant bla ħoss minn wara t-tifel, refgħu u tellgħu bil-galbu fuq is-siġra. U għal darba oħra s-siġra mtliet biż-żahar u l-għasafar ġew jistrieħu u jgħannu fuq il-friegħi tagħha; it-tfajjel firex idejh lejn il-ġgant, ħadnu miegħu u biesu. U t-tfal l-oħra, li kienu għadhom jittawlu bil-moħbi minn xquq fil-ħajt, meta raw li l-ġgant kien inbidel u ma kienx għadu raġel ħażin, reġgħu ġew, u magħhom, ir-rebbiegħa.

“Tfal ċkejknin, dan issa hu l-ġnien tagħkom,” qallhom il-ġgant. U ħa mannara kbira u waqqa’ l-ħajt. In-nies, wara nofsinhar, li fi triqithom lejn is-suq kienu jkunu jgħaddu minn hemm, bdew jaraw lill-Ġgant jilgħab mat-tfal fil-ġnien li issa sar l-isbaħ wieħed li qatt raw. It-tfal bqgħu jilagħbu sa ma dalam, u flgħaxija għaddew isellmu lill-ġgant.

“Iżda fejn’hu ċ-ċkejken seħibkom?” staqsihom: “dak it-tifel li jien erfajt u tellajtu fuq is-siġra?” Għax, sar iħobbu l-ġgant lil dak it-tifel, u l-aktar għax kien biesu.

“Ma nafux!” wieġbuh it-tfal; “dak mar, u ma nafux fejn telaq.”

“Jekk tarawh, għidulu jiġi għada,” qallhom il-ġgant. Iżda t-tfal qatt ma kienu rawh qabel, u ma kinux jafu fejn joqgħod; u l-ġgant tnikket.

Kuljum, wara li tispiċċa l-iskola, kienu jmorru mal-ġgant. Iżda t-tifel li l-ġgant kien iħobb, qatt ma rawh iżjed. Il-ġgant kien tassew iħobbhom lit-tfal, iżda kien jixxennaq l-aktar għall-ewwel ħabib żgħir tiegħu, u sikwit kien isemmieh. “Kemm nixtieq narah!” kien jgħid.

Għaddew is-snin u l-ġgant xjaħ ħafna u saħħtu maret lura. Ma setax jilgħab aktar mat-tfal, għalhekk kien joqgħod fuq pultruna kbira, jiggosta t-tfal fil-logħob tagħhom u jitgħaxxaq bil-ġnien. “Kemm għandi fjuri sbieħ,” kien jgħid, “imma l-isbaħ fjuri huma t-tfal.”

Għodwa waħda, għodwa, xitwija, wara li libes, ittawwal mit-tieqa lejn il-ġnien miksi bis-silġ. Ma kienx għadu jobgħoda x-xitwa, għax kien jaf li r-rbbiegħa kienet rieqda u l-fjuri kienu qed jistrieħu.

Iżda, f’daqqa waħda, ma riedx jemmen l-għajnejh. Iva, fl-ibgħad rokna tal-ġnien kien hemm siġra miksija żahar bajdani. Il-friegħi tagħha kienu mdehba, bi frott lewn il-fidda mdendel magħhom. Fuq kollox taħt is-siġra kien hemm it-tfajjel li hu tant ħabb.

Minkejja li saqajh ma kinux għadhom li kienu, għaġġel jinżel it-taraġ u ħareġ ferħan fil-ġnien. Ħaffef fuq il-ħaxix u resaq lejn it-tfajjel. Iżda meta wasal qrib, wiċċu xeghel bil-korla. “Min issogra jweġġgħak?”: staqsa lit-tifel. Għaliex fuq il-pali ta’ jdejn it-tifel kien hemm il-marki ta’ żewġ imsiemer u żewġ marki oħra fuq wiċċ is-saqajn ċkejkna tiegħu.

“Min issogra jagħmel dan?” reġa’ għajjat; “għidli ħalli mmur innifdu bix-xabla kbira tiegħi.”

“Le, tmurx!” wieġeb it-tifel; “għax dawn mhumiex pjagi ta’ vendetta; huma pjagi ta’ mħabba.”

“Min int?” staqsieh il-ġgant, milqut minn biżgħa ta’ stagħġib kbir; u niżel għarkupptejh quddiem it-tfajjel.

U t-tifel tbissimlu lill-ġgant, waqt li qallu, “int darba ħallejtni nilgħab fil-ġnien tiegħek; illum int sa tiġi fil-ġnien tiegħi; iva, int sa tiġi l-Ġenna miegħi.”

U meta l-għada, wara l-iskola, it-tfal marru fl-ġnien biex jilgħabu, sabu lill-Ġgant mejjet taħt is-siġra, bi tbissima kbira fuq wiċċu, ġismu miksi biż-żahar li waqa’ mis-siġra waħdanija li kienet tħaddar f’dak iż-żmien tas-sena.

Minn Joe Galea.

Leave a Reply

%d bloggers like this: