Dejjem jara x’se jinqala’!


Mhux l-ewwel darba li qaluhieli wara li xi ħadd ikun infaqa’ miegħi l-isptar għall-ħdud u l-festi kmandati! Inkella, f’xi karozza tallinja. Jew fit-triq! Avolja l-ħin kollu nisimgħu bid-distanza soċjali imma kelma li hi kelma kulħadd jixtieq li jfendiha! L-aktar jekk dak li jkun ikun iħossu terrapien!

Għax veru! U ma tistax tgħid li mhux hekk! Kemm se ddum taqla’! Mela, tkun għaddej għall-affari tiegħek. U taħseb li kollox ikun sewwa. Għax ma tagħti fastidju lil ħadd. Meta, f’daqqa waħda, ma nafx x’ma jinqalax. U, is-sabiħa, anki jekk ma jinqalax dak li timmaġina li se jinqala’ tafux, imma ħej meta tarah qed jissaħħab u tinġema sħaba sewda akbar u eħxen mill-oħra, għidli ftit, x’jibqa’ fik? Mhux bilfors li tibda’ titlagħlek u tinżillek il-pressjoni għax tibda’ tinkwieta li se taqla’ xebgħa xita fuq rasek? U fuq rasi? Hekk? Għalxejn b’xejn?

L-inkwiet ħbieb! Li, nerġa’ ngħid, u nibqa’ ngħid, għax ċertissmu milli qed ngħid, mhux dejjem le jiġi għax tisdienu. U tiftaħlu beraħ il-bieb. U ddaħħlu sal-kamra l-aktar intima tad-dar ta’ qalbek. Dan imqar tkun dgħarrast naqra lil xi ħadd. U, dak ix-xi ħadd, dehrlu li kellek tagħmel jew tgħid mod ieħor. X’festa bil-murtali, bil-banda u bil-musketterija jaf jagħmillek! U dan, jaħasra, meta nafu li llum nistgħu ngawdu filwaqt li għada aqta’ kemm nafu innewħu tinwiħ tal-biża’! Li lanqas miljun qattus u qattusa f’daqqa m’għandhom il-ħila li jnewħu daqshekk! Imma l-bniedem hemm hu ħbieb! Iblaħ! Għax dejjem jara x’se jivvinta! U kwiet li hu kwiet ġo ġismu m’għandux! U kemm jidhirlu li hu xi ħaġa! Anki jekk hu bħall-ħaxix, li jinbet filgħodu; filgħodu jwarrad u jħaddar, filgħaxija jidbiel u jinxef (S 90:5-6).

Insomma! Ma ngħajtux wisq tafux! Huwa meta jien irrid inqarraq malajr ninduna li jien stess naf nispiċċa mingħajr il-fuel! U, bħal karozza, nieqaf zoptu! Mela ħallini milli nkun ħaxixu u ħaxixa filli rrid nikber u nuri qawwieti fuq min insibu għal snieni! Miskin! U miskina! Ħalliehom jgħixu fil-kwiet! Bħalma jien stess rrid min iħallini ngħix fil-kwiet! X’kull waħda tnejn!

Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata (Mt 6:34). Biex żgur ma nifqax moħħi bl-inkwiet, araw x’sibt tajjeb għalija ħbieb! Li nibda’ nitlob din it-talba-taqbila li tani l-Ispirtu s-Santu! Kemm sibtha taħdem! Se nagħtihielek mingħajr preskrizzjoni. M’għandhiex data ta’ skadenza. U, fuq kollox, qatt m’hi out of stock!

Hawn hi t-talba: Spirtu s-Santu iċċarġjani ħalli xejn ma jinkwetani! Itlobha x’ħin tibda’ tinkwieta!… U tellagħha Facebook!

Patri Mario Attard OFM Cap