13. Il-Providenza Divina u l-Libertà Umana


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  21/05/1986.

1. Fil-mixja tagħna ta’ approfondiment tal-misteru ta’ Alla bħala Providenza, spiss  niltaqgħu ma’ din il-mistoqsija: jekk Alla huwa preżenti u operanti f’kollox, kif jistà jkun għall-bniedem li jkun liberu? U b’mod speċjali: x’sinifikat u xi dmir għandha l-libertà tiegħu? U dak il-frott qares tad-dnub li jiġi minn libertà żbaljata, kif se jiftiehem fid-dawl tal-Providenza divina?

Nerġgħu naqbdu d-dikjarazzjoni sollenni tal-Vatikan I: “Dak kollu li ħalaq, Alla jieħu ħsiebu u jmexxih bil-Providenza tiegħu «billi jestendi lilu nnifsu minn tarf għal ieħor b’qawwa waqt li jmexxi bi tjubija kull ħaġa» (cf. Għerf 8, 1). “Kollox huwa għeri u mikxuf f’għajnejh (cf. Lh 4, 13) ukoll dak li jseħħ b’inizjattiva libera tal-krejaturi” (DS 3003).

Il-misteru tal-Providenza divina huwa miktub b’mod profond fl-opra kollha tal-ħolqien. Bħala espressjoni tal-għerf etern ta’ Alla, il-pjan tal-Providenza  jiġi qabel l-opra tal-ħolqien; bħala espressjoni tal-qawwa tiegħu eterna, jiġi qablu, iwettqu u, f’ċertu sens, wieħed jistà jgħid li hu stess jitwettaq fih. Din hija Providenza traxxendenti, imma fl-istess ħin  inerenti għall-ħwejjeġ kollha. Dan jgħodd, skont it-test tal-Konċilju li erġajna qrajna, b’mod speċjali fir-rigward tal-krejaturi mżejna bl-intelliġenza u bir-rieda ħielsa.

2. Għalkemm tifhem “fortiter et suaviter” il-ħolqien kollu, il-Providenza tħaddan b’mod partikolari l-krejaturi magħmulin xbiha u xebħ ta’ Alla, li jgawdu, minħabba l-libertà mogħtija lilhom mill-Ħallieq, “mill-awtonomija tal-esseri maħluqa”, fis-sens mifhum mill-Konċilju Vatikan II. (cf. Gaudium et Spes, 36)  Fl-isfera ta’ dawn il-krejaturi hemm bżonn li jkunu inklużi l-esseri maħluqin f’natura purament spiritwali, li dwarhom se nitkellmu iktar ‘il quddiem, Dawn jikkostitwixxu d-dinja inviżibbli. Fid-dinja viżibbli, oġġett tal-attenzjoni partikolari ta-Providenza divina huwa l-bniedem, “li – bħal ma jgħallem il-Konċilju Vatikan II – fl-art huwa l-unika krejatura li Alla ried għaliha nfisha” (cf. Gaudium et Spes, 24), u li propju minħabba dan “ma tistax issib lilha nfisha pjenament jekk mhux permezz don sinċier tagħha nfisha” (cf. Gaudium et Spes, 24).

3. Il-fatt li d-dinja viżibbli hija nkurunata mill-ħolqien tad-dinja, jiftħilna prospettivi għal kollox ġodda dwar il-misteru tal-Providenza divina. Tinnota dan id-dikjarazzjoni dommatika tal-Konċilju Vatikan I meta, tenfasizza li fl-għajnejn tal-għerf u tax-xjenza ta’ Alla kollox jibqà “mikxuf”, f’ċertu sens “għeri” ukoll dak li l-krejatura razzjonali twettaq bis-saħħa tal-libertà tagħha: dak li se jkun ir-riżultat ta’ għażla konxja u ta’ deċiżjoni libera tal-bniedem. Ukoll in konnessjoni ma’ din l-isfera, il-Providenza divina  tippriserva l-każwalità krejatriċi u ordnatriċi superjuri tagħha.  Din hija s-superjorità traxxendenti tal-Għerf li jħobb, u b’imħabba jaġixxi b’qawwa u tjubija, u hija allura Providenza li b’mod attent u b’mod patern tmexxi, issostni, u timbotta għall-iskop tagħha l-krejatura propja, hekk imżejna b’mod għani, waqt li tirrispetta l-libertà.

4. F’dan il-punt ta’ laqgħa tal-pjan krejattiv etern ta’ Alla mal-libertà tal-bniedem, jitfaċċa bla ebda dubju misteru tant inskrutabbli daqskemm adorabbli. Il-misteru jikkonsisti fir-rapport intimu, ontoloġiku qabel ma psikoloġiku, bejn l-azzjoni divina u l-awtodeċiżjoni umana. Aħna nafu li din il-libertà ta’ deċiżjoni tappartieni lid-dinamiżmu naturali tal-krejatura razzjonali. Nafu wkoll per esperjenza l-fatt tal-libertà umana, awtentika ukoll jekk feruta u debboli. Rigward ir-rapport tiegħu mal-każwalità divina, huwa opportun li niftakru l-aċċent  imqanqal minn San Tumas dwar il-konċezzjoni tal-Providenza bħala espressjoni tal-Għerf divin li jordna l-ħwejjeġ kollha għall-fini miktub fihom: “ratio ordinis rerum in finem”, “l-ordinament razzjonali tal-ħwejjeġ lejn il-fini tagħhom” (cf. S. Thomae Summa Theologiae, I, 22, 1). Dak kollu li Alla joħloq jirċievi dawn il-finalitajiet – u allura jsir oġġett tal-Providenza Divina. (cf. S. Thomae Summa Theologiae, I, 22, 2) Fil-bniedem –  maħluq xbiha ta’ Alla – il-ħolqien kollu viżibbli jinħtieġ li javviċina lil Alla, waqt li ssib it-triq tat-twettiq tiegħu. Għal dan il-ħsieb diġa espress, fost oħrajn, minn Sant’Irinew (Adversus haereses 4,38: PG 1105-1109), jidwi t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II dwar l-iżvilupp tad-dinja bl-opra tal-bniedem. (cf. Gaudium et Spes, 7) Il-veru żvilupp – jiġifieri l-progress – li l-bniedem huwa msejjaħ biex jopera fid-dinja, m’għandux ikollu biss karattru “tekniku”, imma b’mod speċjali “etiku”, sabiex iwassal għat-twettiq fid-dinja tas-saltna ta’ Alla (cf. Gaudium et Spes, 35. 43. 57. 62).

5. Il-bniedem, maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla, huwa l-unika krejatura viżibbli li l-Ħallieq ried “għaliha nfisha”. (Ivi, 24) Fid-dinja, sottomessa għall-għerf traxxendenti u l-qawwa ta’ Alla, il-bniedem, minkejja finalizzat għal Alla, huwa però wkoll esseri li huwa fini għalih innifsu: jippossiedi bħala persuna finalità propja (auto-teleologia), minħabba liema jfittex li awto-jitwettaq. Mogħni b’don li huwa wkoll dmir, il-bniedem huwa mkebbeb fil-misteru tal-Providenza divina. Naqraw fil-Ktieb ta’ Bin Sirak: “Il-Mulej ħalaq il-bniedem mill-art . . ./ tahom id-dominju ta’ dak li jinsab fuq l-art . . . / Dixxerniment, lingwa, għajnejn, widnejn u qalb / tahom sabiex jirraġunaw. / Imlihom b’duttrina u ntelliġenza / u indikalhom ukoll it-tajjeb u l-ħażin. / Qiegħed il-ħarsa f’qalbhom / biex jurihom il-kobor tal-opri tiegħu . . . Barra minn dan poġġa quddiemhom ix-xjenza / u tagħhom bħala wirt il-liġi tal-ħajja . . .”  (Sir 17, 1-2, 5-7. 9).

6. Mogħni b’tali tagħmir “eżistenzjali”, il-bniedem jitlaq għall-vjaġġ tiegħu fid-dinja. Jibda biex jikteb l-istorja tiegħu. Il-Providenza divina takkumpanjah tul il-mixja kollha tiegħu. Naqraw fil-Ktieb ta’ Bin Sirak: “Triqathom jinsabu dejjem quddiemu, / ma jibqgħux mistura għal għajnejh . . . / L-opri tagħhom kollha jinsabu quddiemu bħax-xemx, / għajnejh josservaw dejjem inġibthom” (Sir 17, 13. 15).

Is-salmista jagħti lil din l-istess verità espressjoni tokkanti: “Jekk naqbad il-ġwienaħ tas-sebħ / biex ngħammar fit-trufijiet tal-baħar, / ukoll hemm tmexxini idek / taħfinni l-leminija tiegħek . . . / Inti tafni sal-qiegħ. / Ma kienx moħbi għalik għadmi . . .” (Sal 139 (138), 9-10. 14 c-15 a).

7. Il-Providenza divina tagħmel lilha nfisha preżenti fl-istorja tal-bnieem, fl-istorja tal-ħsieb u tal-libertà tiegħu, fl-istorja tal-qlub u tal-koxjenzi. Fil-bniedem u mal-bniedem l-azzjoni tal-Providenza tikseb dimensjoni  “storika” fis-sens li ssegwi r-ritmu u tadatta ruħha għal-liġijiet ta’ żvilupp tan-natura umana, minkejja li żżomm mhux mibdula u ma tinbidilx fit-traxxendenza sovrana tal-esseri ndipendenti tagħha. Il-Providenza hija Preżenza eterna fl-istorja tal-bniedem: tas-singoli u tal-komunità. L-istorja tan-nazzjonijiet u tal-ġeneru uman kollu tiżvolġi taħt “għajnejn” Alla u taħt l-azzjoni omnipotenti tiegħu. Jekk dan kollu li ġie maħluq huwa “mgħasses”  u mmexxi mill-Providenza, l-awtorità ta’ Alla, mimlija solleċitudni paterna, iġġib, fir-rigward tal-esseri razzjonali u liberi, ir-rispett sħiħ tal-libertà, li huwa fid-dinja maħluq espressjoni tax-xbiha u tax-xebħ mal-istess Esseri divin, mal-istess Libertà divina.

8. Ir-rispett tal-libertà maħluqa huwa hekk essenzjali li Alla jippermetti fil-Providenza tiegħu ukoll id-dnub tal-bniedem (u tal-anġlu). Il-krejatura razzjonali, għolja fost kollha imma dejjem limitata u imperfetta, tistà tagħmel użu ħażin mil-libertà propja, tistà tużaha kontra Alla, Ħallieq tagħha. Din hija tema tormentuża għall-moħħ uman, li dwarha l-Ktieb ta’ Bin Sirak diġa jirrifletti bi kliem tassew profond: “Hu [Alla] sa mill-bidu ħalaq il-bniedem u telqu għall-ħniena tar-rieda propja tiegħu. / Jekk trid, tosserva l-kmandamenti; / li tkun fidil jiddependi mir-rieda tajba tiegħek. / Huwa qegħdlek quddiemek in-nar u l-ilma; / hemm fejn trid tifrex idek. / Quddiem il-bnedmin jinsabu l-ħajja u l-mewt; / lil kull wieħed jingħata dak li jogħgob lilu. / Kbir infatti huwa l-għerf tal-Mulej, / huwa hu omnipotenti u jara kollox. / Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu, / hu jagħraf kull azzjoni tal-bnedmin. / Huwa ma amar lill-ebda wieħed biex ikun kattiv / u ma ta permess lil ħadd biex jidneb” (Sir 15, 14-20).

9. “Min jistà qatt jispjega d-dnub?” jistaqsi s-salmista (cf. Sal 18, 13). Madankollu ukoll fuq dan ir-rifjut  inawdit tal-bniedem il-Providenza ta’ Alla iġġib id-dawl tagħha, sabiex nitgħallmu ma nikkommettuhx.

Fid-dinja li fiha nħalaq bħala esseri razzjonali u liberu, id-dnub mhux biss kien possibbli, imma wkoll wera ruħu bħala fatt reali “sa mill-bidu”. Id-dnub huwa oppożizzjoni radikali lil Alla, u dak li Alla b’mod deċiż u assolut ma jridx. Huwa madankollu jippermettih waqt li ħalaq l-esseri liberi, waqt li ħalaq il-bniedem. Ippermetta d-dnub li huwa konsegwenza tal-użu ħażin tal-libertà maħluqa. Minn dan il-fatt, magħruf tar-rivelazzjoni u sperimentat fil-konsegwenzi tiegħu, aħna nistgħu niddeduċu li, fil-għajnejn tal-għerf traxxendenti ta’ Alla, fil-prospetiva tal-finalità tal-ħolqien kollu – kien importanti li fid-dinja maħluqa jkun hemm il-libertà, ukoll b’sogru ta’ użu ħażin tagħha, pjuttost milli jċaħħad lid-dinja billi jeskludi sa mill-għeruq il-possibiltà tad-dnub.

Alla providenti, madankollu, jekk minn banda ippermetta d-dnub, mill-banda l-oħra b’solleċitudni amoruża ta’ Missier, sa minn dejjem ippreveda t-triq tar-riparazzjoni, tar-redenzjoni, tal-ġustifikazzjoni u tal-fidwa permezz tal-Imħabba. Il-libertà infatti hija marbuta mal-imħabba: mingħajr libertà ma jistax ikun hemm imħabba. U fil-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dnub u r-redenzjoni, l-aħħar kelma tmiss lill-imħabba.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb