Jalla l-leħen tagħha jqajjem il-kuxjenza …
Il-Papa Franġisku wara l-udjenza ġenerali tal-Erbgħa it-23 ta’ Settembru 2020 reġa’ tkellem dwar id-don tal-ħajja u l-ħarsien tagħha. Hu għamel ukoll appell lill-mexxejja tal-ġnus. L-okkażjoni u l-preżenza numeruża ta’ pollakki li ġabu magħhom qanpiena li jisimha “Il-leħen ta’ dawk li ma twildux” biex titbierek mill-Papa. Din il-qanpiena hija kummissjonata mill-Fundazzjoni “Iva għall-Ħajja”. Dawn kienu l-kelmiet tal-Papa u l-appell lill- mexxejja.
“Minn hawn u ftit ieħor se nbierek qanpiena li jisimha “Il-leħen ta’ dawk li ma twildux”, kummissjonata mill-Fundazzjoni “Iva għall-Ħajja”. Dil-qanpiena takkumpanjakom fl-attivitajiet li intom torganizzaw biex tfakkru l-valur tal-ħajja umana mit-tnissil sal-mewt naturali.
Jalla l-leħen tagħha jqajjem il-kuxjenza tal-leġiżlaturi u tan-nies ta’ rieda tajba kemm fil-Polonja kif ukoll fid-dinja. Il-Mulej, li hu biss jagħti l-ħajja, ibierek lilkom u lill-familji tagħkom.”
Ara aktar mill-Papa Franġisku fil-Laikos …
Rapport għal-Laikos minn Fr Roy Galdes