Papa lill-JRS: “Agħtu leħen lil dawk abbandunati”.

Print Friendly, PDF & Email

Għaddew 40 sena minn meta Jesuit Refugee Service beda l-missjoni tiegħu li jgħin lil ħafna rġiel, nisa u tfal li jfittxu kenn u assistenza. F’ittra biex timmarka dan l-anniversarju, l-Papa Franġisku fakkar lill-fundatur ta’ dan is-servizz, il-Qaddej ta’ Alla, Fr Pedro Arrupe SJ, li, huwa qal, huwa eżempju ta’ “din ix-xewqa ntimament Kristjana u Injazjana li tieħu ħsieb il-benesseri ta’ dawk kollha li jsibu ruħhom fi stat ta’ disperazzjoni profonda”.

Ix-xogħol tal-JRS ħa l-ħjiel tiegħu mill-etos Nisrani, mill-bidu tiegħu man-nies tad-dgħajjes Vjetnamiżi fit-tmeninijiet sal-llum bil-pandemija tal-koronavirus, li wera kif il-familja umana kollha hija ‘fl-istess dgħajsa’, meta sabet ruħha ffaċċjata bi sfidi ekonomiċi u soċjali bla preċedent, hekk stqarr il-Papa Franġisku.

Huwa enfasizza wkoll, “illum diversi nies fid-dinja huma mġiegħla jaqbdu ma’ barkuni f’attentat biex ifittxu kenn mill-viruses t’inġustizzja, vjolenza u gwerra”. Fid-dawl ta’ dawn l-inugwaljanzi gravi, l-JRS għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex iqajjmu kuxjenza dwar ir-realtà li qed jiffaċċjaw ir-refuġjati w l-persuni spostati. “Huwa dmir vitali tagħkom li tilħqu l-id tal-ħbiberija lejn dawk li huma weħidhom, separati mill-familji tagħhom, jew abbandunati; akkumpanjawhom u saħħu leħinhom, u fuq kollox assiguraw li jkollhom l-opportunità li jikbru permezz tal-edukazzjoni u l-iżvillupp li tagħtuhom”, hekk kiteb il-Papa.

Il-Papa nnota wkoll li x-xhieda tal-JRS tal-imħabba t’ Alla fis-servizz tar-refuġjati u l-migranti huwa “fundamentali biex tinbena ‘kultura ta’ laqgħa’ li waħedha tistabbilixxi l-pedamenti għal solidarjetà awtentika u dejjiema għall-ġid tal-familja umana”.

B’ħarsa lejn il-futur, Il-Papa esprima t-tama li ma jkun hemm “l-ebda ntopp jew sfida, personali jew istituzzjonali”, li jistgħu jtelfu jew jiskoraġġixxu l-missjoni tagħhom biex jakkumpanjaw lil dawk fil-bżonn u jiżguraw li d-drittijiet tagħhom jiġu difiżi.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-11/pope-to-jrs-reach-out-the-hand-of-friendship-to-those-who-seek.html

%d