Rigal f’għeluq is-27 sena mid-dħul tiegħi fil-kunvent

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tnejn, 12 t’Ottubru 2020, l-ewwel festa f’ġieħ il-Beatu Carlo Acutis, l-għaliex kien sewwasew f’din id-data meta twieled għall-glorja tas-sema, jien, flimkien ma’ Br. Vincent Axiaq OFM Cap, għalaqna 27 sena li dħalna mill-għatba ‘il ġewwa tal-kunvent mal-Kapuċċini. Kemm jgħaddi ż-żmien ħbieb!

Jiena u Br. Vincent dħalna l-kunvent fil-festa tal-magħruf San Serafin minn Montegranaro. Li, qabel daħal magħna l-Kapuċċini, ismu kien Feliċ De Nicola. Dan Serafin twieled f’Piceno fl-1540. F’żgħożitu kien daħal bħala fratell lajk magħna. U, għadda ħajtu safja u bla ħtija f’għaqda qawwija ma’ Kristu u ma’ Ommu u Ommna Marija, u fl-imħabba lejn il-foqra u lejn il-midinbin. Ħuna San Serafin miet f’Ascoli fl-1604. Niftakar li meta kont postulant aqta’ kif kont ġenninthom lil sħabi u liż-żgħażagħ tal-vokazzjonijiet l-għaliex, u għal kull ħaġa ta’ xejn, kont nagħtihom santa ta’ San Serafin! U x’ma nagħtihomx santa tal-qaddis Serafin ħbieb jekk, fil-librerija tal-istudentat, sibt mazz oħxon ta’ santi tiegħu!

Jum il-festa ta’ San Serafin ta’ din is-sena għalija inħossu li kien tabilħaqq wieħed speċjali! Dan l-għaliex kien jum fejn bdieli l-irtir tas-sena li sar f’Mount St Joseph mill-magħruf animatur tal-irtir Patri Pawl Cetchuti SJ. Niftakar li, qabel it-tieni konferenza tal-irtir, fejn irriflettejna bil-bosta li jien ir-rigal tal-Mulej u li minn għandi ma jistenna xejn għajr li nkun rigal ta’ mħabba lejn l-oħrajn bl-istess imħabba li nvesta fija hu, tlabna flimkien l-Uffiċċju tal-Qari. Irrid ngħid li fit-tieni qari tal-Uffiċċju fil-festa ta’ San Serafin wieħed mill-koristi qara silta mill-isbaħ fuq l-umiltà li hija l-omm ta’ kull drawwa. M’għandniex xi ngħidu li dan l-għerf mill-iprem il-Mulej tahula mit-Taħdita ta’ San Bażilju l-Kbir Dwar il-qdusija sħiħa.

Ngħid għalija, f’dan il-qari, aqta’ kemm sibt pariri li lili jagħmluli biżibilju ġid! L-ewwel parir: IBBILANĊJA! Jgħallimni San Bażilju: Għalhekk qis li tqabbel il-ħtiġijiet tal-ġisem hekk li ma jtellfukx il-ħinijiet tat-talb. U l-għaliex hu importanti dan il-bilanċ? Ħalli fis-siegħa tal-prova ninġarr minn dak li hu qaddis u mhux mid-duħħan tal-ġisem li jgħaddi! Jgħallimni San Bażilju: Kun imħejji ħalli ma tismax mill-ħsibijiet tal-ġisem li ma jħallukx twettaq għemil qaddis.

It-tieni parir, KOLLOX JIBDA’ MIT-TALB! Issokta jgħallimni l-Kbir Bażilju: Iktar għandek tgħaddi żmien titlob fil-moħbi, għax Alla li jara fil-moħbi, talli tagħmel hekk iħallsek quddiem kulħadd. Qis li titlob ħafna ħalli ssib sewwa għaliex qed tgħix il-ħajja, ħalli fil-jiem tal-ħtieġa ssib il-għana maħżun. Dan il-ħsieb fakkarni li kull għemil tajjeb li l-Mulej irid iwettaq minn ġewwa fija, jrid ikollu s-sodda twila u fonda tat-talb. Inkella, jekk dan l-għemil ma jkollux it-talb għalxiex ikun tajjeb? Għalxejn għajr biex jintrema u jispiċċa fix-xejn! Kemm kien jgħid sewwa mela Papa Benedittu li t-talb u x-xogħol huma kumplimentari għal xulxin!

Imbagħad, dan il-qari tad-deheb, ippreżentali teżor ta’ tagħlima oħra: L-INKORAĠĠIMENT BIL-KELMA U BIL-ĦIDMA! Fil-fatt, San Bażilju bih jgħallimni: Kull darba li tkun qed twettaq il-ħidma tiegħek, għaqqad il-kliem ta’ tħeġġiġ u ta’ faraġ flimkien max-xogħol tal-ġisem biex turi l-imħabba tiegħek lil dawk li lilhom tkun qed taqdi, ħalli l-qadi tiegħek ikun jogħġobhom, bħallikieku jkun fih togħma tajba bil-melħ. Jaħasra! Kemm xogħol jinħela l-għaliex il-kelma ta’ inkoraġġiment ma tiġix impoġġija fejn hemm tabilħaqq bżonnha! Jew inkella, meta l-kelma li tintuża, l-iblah u l-belha jagħmel u tagħmel użu mill-botta u mhux mir-risposta ta’ kelma ħelwa u meqjusa!

Aktar tagħlimiet-pariri li għaddhieli f’dak il-jum l-għaref Bażilju! XOGĦLI NAGĦMLU JIEN U MHUX ĦADDIEĦOR! Miskin u miskina l-ħaddiem u l-ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej li jitbiegħed mid-dmirijiet tiegħu u tagħha billi jivvinta u tivvinta elf skuża biex ma jwettaqhomx u ma twettaqhomx! Isma’ x’jgħid il-Kbir Isqof ta’ Ċesarija: Qatt tħalli l-ħidma tiegħek li tkun ġiet mogħtija f’idejk jagħmilha ħaddieħor, u hekk ikun għajb għalik li ħaddieħor jiftaħar bil-ġid tiegħek. Ibża’, bħallikieku Alla qed jarak, mill-ħażen li joħroġ minn nuqqas ta’ rażan u mill-istmerrija, ukoll jekk il-ħidma li jkollok f’idejk tkun tidher żgħira ħafna. Il-ħidma tal-qadi lil ħutek hija kbira u biha tikseb is-saltna tas-smewwiet. Hija bħal xibka li tiġbor fiha d-drawwiet it-tajba kollha, għax ġo fiha hemm l-għamajjar t’Alla kollha.

Imma, il-qadi lill-aħwa, jiġifieri lil ħuti l-bnedmin, biex għandu jkun imħawwar? Biex għandu jkun immellaħ? U b’liema inbid għandu jiġi mgħerreqa bih u fih? Hawn hu l-parir ta’ Bażilju: FL-UMILTÀ! Jgħidilna: U l-ewwel waħda fost dawn id-drawwiet it-tajba kollha hi l-umiltà li hija l-omm tad-drawwiet it-tajba kollha u ġġib magħha kotra ta’ ġid. U mbagħad hemm ukoll dan: Kont bil-ġuħ u tmajtuni; kont bil-għatx u sqejtuni; kont barrani u marid u ġol-ħabs u qdejtuni. U dan nagħmluh l-aktar meta l-qadi tagħna nwettquh b’qalb umli mingħajr kburija, għadab u tgergir.

U kif temm jgħid dan il-kliem ħassejt lill-Kbir Bażilju jdur lejja, u, b’ħarstu f’ħarsti, jgħidli: Tħeġġeġ ħa tkun tixbah lil dawk li jgħixu ħajja tajba u l-għemil iktbu f’qalbek. Agħżel li tkun mal-ftit, għax it-tajjeb ma ssibux wisq, u minħabba f’hekk ftit huma dawk li jidħlu fis-saltna tas-smewwiet. Huwa minnu li ħafna jagħżlu li jgħixu ħajja qaddisa u tajba, iżda ftit imiddu għonqhom għall-madmad tagħha. Għax is-saltna tas-smewwiet hija ta’ min hu qawwi, u l-qawwijin jaħtfuha: dan il-kliem qiegħed fl-evanġelju… Għalhekk, jekk trid taħtaf is-saltna t’Alla, kun qawwi u midd għonqok għall-madmad ta’ Kristu u aqdih.

Irrid Mulej li nkun qawwi! Għinni niċċaħħad mir-rieda tiegħi u mill-ġid ta’ ġismi li jgħaddi u nħares bir-reqqa t-tagħlim kollu tiegħek kif imfisser lili fl-evanġelju mqaddes tiegħek. Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: