Għall-grazzja tal-Mulej, nhar is-Sibt 26 ta’ Diċembru 2020, sewwa sew fl-10.40 ta’ filgħodu, waslet f’pajjiżna l-ewwel kunsenja ta’ għaxart elef doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Għall-persuni bħali li, bi grazzja tal-Mulej, jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, anki jekk huma persuni vulnerabbli f’saħħithom, din l-aħbar imlietna bil-ferħ u bi gratitudni kbira!
Għall-mument stħajiltni qiegħed ix-xatt inxejjer il-bandiera ta’ Malta waqt li daħal il-convoy ta’ Santa Marija. Għax, quddiem dan l-assedju feroċi tal-virus covid-19 jiġu mumenti li hekk tħossok li għandek tagħmel! Madankollu, issa li l-għajnuna fil-ġlieda mirbuħa tagħna kontra l-covid-19, bil-qawwa dejjem tal-Mulej, wara li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini approvat il-vaċċin Pfizer u BioNTech, l-affarijiet se jimxu l-quddiem u nibdew nersqu, naqra naqra, lejn dik l-imbierka u mhux dejjem apprezzata kif tassew jixirqilha, normalità!
L-istorja tal-coronavirus u tal-vaċċin li lest li jilgħabhielu fuq rasu u, jalla fuq li jalla, jħallih tal-post, tfakkarni f’esperjenza li għaddejt minnha dan l-aħħar fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Niftakar kien il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2020. F’dan il-jum, bħalma ħafna jafu, iċċelebrajna l-Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. U, bħalma ħafna jafu wkoll, il-familja illum għaddejja minn xiex għaddejja. Għalhekk irridu nibqgħu ninvestu fiha! Kemm b’mod personali, familjari, ekkleżjali u soċjali wkoll. Għax, kif kien iħobb jgħid San Ġwann Pawlu II: ‘Il fejn tiġbidha l-familja ‘l hemm jiġbidha l-istat u l’hemm ukoll tiġbidha d-dinja kollha li ngħixu fiha. Mela, hu importanti li l-familja tiġbidha lejn mergħat li jagħmlulha xebgħa ġid u qatt ma toqgħod titlajja’ lejn l-ixfra ta’ irdumijiet li huma mimlija tilja ħġieġ, ġebel, ħurrieq, xewk u għollieq.
Madankollu, u dan ngħidu jien ukoll l-għaliex ngħix fil-familja tal-patrijiet, bħalma s-sorijiet jgħixu fil-familja tas-sorijiet, u intom fil-familja tagħkom, problemi jinbtu matul it-triq. U, il-ħaxix ħażin, fejn jaħsel jaqbad ħbieb? Mhux ma’ bini storiku li għandu sekli sħaħ? U, ngħid jien, fil-ħajja ikkonsagrata u anki fil-familja, hemm ħaxix ħażin u ħanżir? Hemm virus li jagħmel ħafna ħsara għax jherri l-immunità tal-imħabba li l-Mulej tefa’ fija u fik, li ngħixu f’familja u f’komunità?
Ħa nikkwota xi ħaġa li qal Papa Franġisku ara għax dak jaf jgħidha bil-wisq aħjar milli nista’ ngħidha jien, il-Patri! Għax il-Papa qalha bil-pożittività u mhux bin-negattività. Il-Coronavirus jurina li l-veru ġid għal kull persuna hu l-ġid komuni u mhux biss dak individwali u, viċiversa, il-ġid komuni hu ġid veru għall-persuna (ara KKK, 1905-1906). Jekk persuna tfittex biss il-ġid tagħha, tkun egoista. U jekk il-persuna tkun iżjed persuna, meta l-ġid tagħha tiftħu għal kulħadd, tkun taqsmu. Is-saħħa, barra li hi individwali, hi wkoll ġid pubbliku. Soċjetà sana hi dik li tieħu ħsieb tas-saħħa ta’ kulħadd.
Fi ftit kliem ħbieb, aqta’ naqra z-zokkor ħa joħroġ aktar bid-dieher il-melħ, Papa Franġisku qed jgħidilna li hu l-EGOIŻMU l-virus li għandna niġġieldu kontrih b’qalbna kollha. Għax hu l-EGOIŻMU li jagħmillek is-sogħla u l-għatis. Hu l-EGOIŻMU li jħammeġ l-idejn tal-qalb u bihom jinfetta l-moħħ u r-ruħ tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna. Hu l-EGOIŻMU li jweġġa’ il-qlub u jkerrah l-uċuh bil-karba tal-weġgħa li biha jlibbes l’uċuħ. Hu l-EGOIŻMU li jtellagħlna mas-sema d-deni tal-korla għax jdaħħalna fi sqaq ta’ inġustizzja kbira bejnietna. Hu l-EGOIŻMU li jġibilna is-sola għax ma jħalliniex noħorġu mill-pulmuni ta’ ruħna l-imħabba li l-Mulej tefa’ fina. Hu l-EGOIŻMU li jġib il-qtugħ ta’ qalb li l-għemejjel ċkejkna ta’ mħabba li nwettqu jistgħu jħallu marka ta’ fejqan fostna. Allura, hemm ħaxixa aktar ħażina u ħanżira aktar mill-EGOIŻMU? Jeżiżti virus agħar mill-EGOIŻMU?
Issa, biex nikkumbattu l-għejja, l-uġiegħ fil-muskoli ta’ ruħna, it-telf tat-togħma ta’ dak li hu tajjeb, sabiħ u qaddis, it-telf tax-xamm li jgħinna nkunu ta’ ġid kbir għal ħaddieħor u li jaf jitfagħna f’diarhoea għax nispiċċaw ningħalqu fina nfusna għax nitqattgħu minn ġewwa u ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu bina nfusna, hemm ħaġa importanti li rridu nagħmlu: NIEĦDU L-VAĊĊIN!
Għax hu dan il-vaċċin li se jaħdem kontra l-inkwiet, il-ġlied, il-pika, ir-ras iebsa, il-gwerer bierda, l-għira, il-mibegħda u x’ma nafx x’mhawnx aktar tipi ta’ covid spiritwali li hawn jiġru fil-familji, fil-kunventi, fil-postijiet tax-xogħol, fil-Knisja u fis-soċjetà tagħna. Ċertissmu li kieku jaħasra l-Mediċini Pfizer u BioNTech jaħdmu kontra l-virus tal-EGOIŻMU kieku żgur fuq li żgur li l-awtoritajiet tas-saħħa u dawk governattivi ilhom fuq li ilhom li tawna b’ġenerożità u b’gratwità dan il-vaċċin! Imma ħej għal dan it-tip ta’ virus qerriedi li jżommna b’diarhoea issemmix, irid tip ieħor ta’ vaċċin. Dak spiritwali!
Il-prova dwar l-effikaċità ta’ dan il-vaċċin spiritwali doqtha jien stess. Dan l-għaliex, meta għedt dak li se ngħid issa fil-quddiesa li qaddist fis-sala tal-immatoloġija, kif mort inpoġġi bilqiegħdha kien hemm xi ħadd li donnu waqqagħni. U, għalkemm waqajt u ġejt għal dahri, għall-grazzja tal-Mulej ninsab b’saħħti issemmix. Ħaħaħa! Bil-qawwa ta’ Ġesù min ipprova jweġġagħni ma rnexxilux! Grazzi Ġesù u Marija! Mela, la l-prova ħallast għaliha jiena stess, għax taħdem mija fil-mija, se ngħidilkom b’liema vaċċin għandkom titlaqqmu kontra l-EGOIŻMU!
Kuljum, aktar u aktar meta jqum xi inkwiet, ikun hemm il-gwerer bierda, jibda’ it-tixwix u l-paroli fil-vojt, jikbru l-gdiedem, jinfexx id-dagħa, il-ħalf u l-kliem ħażin, togħla mas-smewwiet ir-rabja u sħab iswed u oħxon jitla’ biex idallam id-dawl tas-sliem tagħna, ħa nibdew nitolbu il-Magnificat! Il-Kantiku ta’ Marija! Jekk ma tafux qed naqsmu miegħek issa, apposta. Ħa tibda’ titolbu mill-ewwel u hekk titlaqqam kontra dan il-virus feroċi tal-EGOIŻMU.
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,* U l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi. Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.* Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja. Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;* Qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien* Fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,* Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,* U għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,* U l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu,* Għax ftakar fil-ħniena tiegħu -bħalma wiegħed lil missirijietna – * B’risq Abraham u nislu għal dejjem. Glorja lill-Missier, u lill-Iben* U lill-Ispirtu s-Santu. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,* U jibqa’ ghal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Nissuġġerilek sieħbi li titlaqqam kuljum b’dan il-vaċċin mhux biss għas-sena 2021, li għadna kemm bdejna, imma għal ħajtek kollha!
IS-SENA T-TAJBA LIL KULĦADD IMLAQMIN BIL-VAĊĊIN MAGNIFICAT!
Patri Mario Attard OFM Cap