Stedina għal laqgħa virtwali mal-Papa Franġisku

Print Friendly, PDF & Email

L-Insara huma mistiedna jissieħbu virtwalment fit-talb għall-Għaqda tal-Knejjes Insara.

Il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes Insara jiġi ċċelebrat mit-18 sal-25 ta’ Jannar. Matul dan iż-żmien, l-Insara huma mistiedna biex jitolbu għar-rikonċiljazzjoni u l-għaqda fi ħdan il-Knisja. B’aktar minn 100 sena ta’ storja, din l-ottava ta’ talb hija perjodu għall-Insara madwar id-dinja biex flimkien jitolbu għal għaqda Kristjana viżibbli u jersqu eqreb lejn it-twettiq tat-talba tal-Aħħar Ċena, meta Ġesù talab “biex dawn kollha jkunu ħaġa waħda”.

It-tema għal din is-sena hija: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi u tħallu ħafna frott”, li hija spirata minn Ġwanni 15, 5-9. Din ġiet magħżula biex tesprimi l-vokazzjoni tal-komunità Nisranija biex titlob u taħdem għar-rikonċiljazzjoni u l-għaqda fi ħdan il-Knisja, l-familja umana u l-ħolqien kollu.

Il-Papa Franġisku huwa skedat li t-Tnejn, 25 ta’ Jannar, jippresiedi l-Għasar ma’ mexxejja Nsara oħra biex jimmarka l-għeluq ta’ din l-54 Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda Nisranija. Bħal dejjem, din iċ-ċerimonja ssir fil-Bażilika ta’ San Pawl barra l-Ħitan, il-bażilika papali li hija tradizzjonalment iddedikata għal ġrajjiet u liturġiċi ekumeniċi.

Il-Kunsill Dinji tal-Knejjes (WCC) qed jistieden lill-Insara kollha biex fil-25 ta’ Jannar, l-aħħar jum tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, jingħaqdu online għat-talb. L-avveniment tat-talb online se jsir fis-2pm CET. Il-parteċipanti interessati jistgħu jsegwu l-avveniment fuq il-websajt tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-01/week-of-prayer-for-christian-unity-ecumenism-2021.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.