Il-Papa mal-Insara ta’ Qaraqosh

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa jħeġġeġ lill-fidili Iraqqini f’Qaraqosh biex jerġgħu jibnu r-rabtiet tal-komunità

Il-Papa Franġisku kompla l-Vjaġġ Appostoliku tiegħu bi żjara fil-Knisja tal-Kunċizzjoni fil-belt Iraqina ta’ Qaraqosh fit-tramuntana. Fl-indirizz tiegħu lill-fidili preżenti, l-Papa esprima gratitudni lejn Alla għall-opportunità li jkun fost il-fidili ta’ Qaraqosh. Huwa rringrazzja wkoll lill-Patrijarka Ignace Youssif Younan t’Antijokja għall-Kattoliċi Sirjani għall-kliem ta’ merħba tiegħu.

“Hekk kif inħares lejkpm, nista’ nara d-diversità kulturali u reliġjuża tan-nies ta’ Qaraqosh, u dan juri xi ħaġa tas-sbuħija li dan ir-reġjun kollu għandu għall-futur,” qal il-Papa. “Il-preżenza tagħkom hawnhekk hija tfakkira li s-sbuħija mhix monokromja, iżda tiddi fil-varjetà u d-differenza.”

Filwaqt li fakkar fl-istorja diffiċli tar-reġjun, il-Papa nnota s-sinjali tal- “qawwa distruttiva tal-vjolenza, l-mibegħda u l-gwerra”, u lmenta kemm inqered u kemm hemm bżonn li tinbena mill-ġdid. Madankollu, huwa rrimarka li l-għaqda tal-komunità juri li t-terroriżmu u l-mewt qatt ma għandhom l-aħħar kelma. “L-aħħar kelma hija ta’ Alla u t’Ibnu, l-ħakem fuq id-dnub u l-mewt. Anke fost l-għeruq tat-terroriżmu u l-gwerra, nistgħu naraw, bl-għajnejn tal-fidi, it-trijonf tal-ħajja fuq il-mewt, ”afferma l-Papa. Huwa kompla jfakkar lill-fidili bl-eżempju u l-wirt ta’ missirijiethom u ommijiethom fil-fidi “li faħħru lil Alla f’dan il-post” u li pperseveraw, billi fdaw f’Alla “li qatt ma jiddiżappuntana u jsostnina bil-grazzja tiegħu.”

Il-Papa Franġisku rrikonoxxa wkoll ix-xhieda tas-Sinjura Doha Sabah Abdalla li ħafret lill-qattiela ta’ binha u lil Fr. Ammar Yako, xhud dirett tal-atroċitajiet fir-reġjun.

Il-Papa Franġisku talab lil kulħadd biex jitlobu għall- “konverżjoni tal-qlub u għat-trijonf ta’ kultura ta’ ħajja, rikonċiljazzjoni w imħabba fraterna bejn l-irġiel u n-nisa kollha, b’rispett għad-differenzi u tradizzjonijiet reliġjużi diversi, fl-isforz biex tibni futur ta’għaqda u kooperazzjoni bejn in-nies kollha ta’ rieda tajba. ”

Il-Papa qal t-talba tal-Anġelus mal-Insara lokali, u żied li huwa grat għall-kuraġġ tal-ommijiet u n-nisa kollha fl-Iraq, u talab li n-nisa fl-Iraq jiġu rispettati, protetti u pprovduti b’opportunitajiet.

Fl-aħħar, hu nvoka l-interċessjoni tal-Madonna, waqt li nnota li minkejja li x-xbieha tagħha fuq il-quċċata tal-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Qaraqosh iltaqgħet minn trattament ħażin u nuqqas ta’ rispett, il-wiċċ t’Omm Alla jibqa’ jħares lejna bl-imħabba “Għax hekk jagħmlu l-ommijiet: jikkonsolaw, jikkonsolaw u jagħtu l-ħajja.”

Fl-aħħar taż-żjara tiegħu, il-Papa Franġisku ffirma l-Ktieb tal-Unur b’dan il-kliem:

Minn din il-knisja meqruda u mibnija mill-ġdid, simbolu ta’ tama għal Qaraqosh u l-Iraq kollu, ninvoka mingħand Alla, permezz tal-interċessjoni tal-Verġni Marija, d-don tal-paċi.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-qaraqosh-iraq-apostolic-journey.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d