Marija qrib dawk li fil-pandemija jmutu waħedihom

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa fl-Udjenza: Marija qrib dawk li fil-pandemija jmutu waħedihom.

Hekk kif il-Ħamis il-Knisja tiċċelebra s-Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej, waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku rrifletta fuq is-sbuħija tal-interċessjoni materna ta’ Marija, bit-tema: “t-talb f’komunjoni ma’ Marija.”

Huwa beda billi rrimarka li Ġesù għandu jkun iċ-ċentru fil-forom kollha ta’ talb nisrani. “Kull talb li nqajmu lil Alla huwa permezz ta’ Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu w jitwettaq grazzi għall-interċessjoni tiegħu,” sostna l-Papa, u żied jgħid li Kristu “huwa l-uniku Feddej: m’hemm l-ebda ko-fidwa ma’ Kristu.”

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li l-medjazzjoni ta’ Kristu għalina mal-Missier tagħti sens lil referenzi oħra li l-Insara jduru għalihom fit-talb, “l-ewwel fosthom il-Verġni Marija, l-Omm t’Alla.” “Hija tokkupa post privileġġat fil-ħajja tal-Insara, u għalhekk, fit-talb tagħhom ukoll, jitolbu lil Marija, għax hija Omm Ġesù,” jgħid il-Papa. “Hija dik li turi t-triq lejn Binha Ġesù”, kif il-Knejjes tal-Lvant jiddeskrivuwha bit-terminu Grieg: Hodegetria.

Il-Qdusija Tiegħu qal, li Ġesù estenda l-maternità ta’ Marija għall-membri kollha tal-Knisja, meta fdalha lid-dixxiplu l-maħbub Tiegħu li kien qiegħed f’riġlejn is-Salib. “Minn dak il-mument ‘il quddiem, ilkoll nġbarna taħt il-mant tagħha.” Bħalma baqgħet ħdejn Binha fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, hekk hi tibqa’ ma’ dawk li qed imutu, waqt li nitolbu s-Sliema u l-Qaddisa, qal il-Papa. “Marija hija dejjem preżenti ħdejn is-sodda ta’ wliedha huma u jħallu din id-dinja.” “Jekk xi ħadd ikun waħdu w abbandunat, hi qiegħda hemm, viċin, kif kienet ħdejn Binha meta kulħadd abbandunah,” stqarr il-Papa.

Matul il-pandemija tal-Covid-19, tant nies imutu waħedhom l-isptar minħabba restrizzjonijiet soċjali, imma Marija tkun hemm takkumpanja lil dawk li jinsabu f’solitudni fuq is-sodda tal-mewt. “It-talb lilha mhuwiex għalxejn,” zied jgħid, “Hi tisma’ leħinna, anke dawk li jibqgħu magħluqa f’qalbna”.

Il-Papa temm il-messaġġ tiegħu billi qal, Marija dejjem tipproteġi lil uliedha, tiddefendihom mill-periklu, anke meta jitilfu triqathom jew ipoġġu s-salvazzjoni tagħhom fil-periklu. “Marija hija hemm, titlob għalina, titlob għal dawk li ma jitolbux. Għax hi Ommna.”

Biex tara d-diskors tal-Papa Franġisku bil-Malti idħol: https://www.laikos.org/papa_frangisku_udjenza_24032021.htm