Nhar il-Ħadd li ġej, 25 ta’ April 2021, ir-raba’ Ħadd tal-Għid, huwa l-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet. Dakinhar l-Arċisqof Charles Jude Scicluna se jiċċelebra quddiesa mill-Kappella taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju, Tal-Virtù, fid-9:30 a.m. Din tixxandar fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Fittex riżorsi ta’ għajnuna għall-Jum ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet 2021 …
Fil-quddiesa se jieħdu sehem saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, u seminaristi li huma responsabbli mill-ħidma vokazzjonali, kif ukoll żgħażagħ li jieħdu sehem fl-attivitajiet li jorganizza ċ-Centru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju tal-Arċisqof. L-għan taċ-Centru tal-Vokazzjonijiet huwa li jakkumpanja lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ fil-mixja tagħhom lejn l-għarfien tas-sejħa personali li Alla jrid jagħmel lilhom.
Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet 2021, il-Papa Franġisku jfakkarna li anke llum “il-Mulej jixtieq jagħġen qlub ta’ missirijiet, qlub ta’ ommijiet: qlub miftuħa, kapaċi għal inizjattivi kbar, ġenerużi fl-għotja, mimlija ħniena biex ifarrġu fit-tbatija u qawwija biex isaħħu t-tama. Ta’ dan għandhom bżonn is-saċerdozju u l-ħajja kkonsagrata, illum b’mod partikulari, fi żminijiet bħal dawn immarkati minn dgħufijiet u tbatijiet anki minħabba l-pandemija li ġabet magħha inċertezzi u biżgħat dwar il-futur u l-istess sens tal-ħajja.”
L-Insara huma mħeġġa biex jitolbu sabiex il-Mulej jgħin liż-żgħażagħ jiskopru l-pjan ta’ mħabba li Alla għandu għalihom. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-websajt www.seminaryvocationscentre.mt li tinkludi esperjenzi minn diversi persuni li sabu s-sejħa tagħhom permezz tal-ħidma li ssir miċ-Centru tal-Vokazzjonijiet.