Sabiħa l-ħajja!

Kemm tolqotni ħuti l-Għanja tal-Ħolqien ta’ Missierna San Franġisk! Dik l-għanja li ħarġet mill-kompożitur Taljan tal-films Riziero jew kif inhu magħruf aħjar bħala “Riz” Ortolani! Iż-żgħir fost sitt ulied bħalma jien jien! Qed nirreferi għall-kanzunetta tal-film dwar Missierna San Franġisk Fratello Sole, Sorella Luna.

Il-kliem din il-kanzunetta, li hu ta’ San Franġisk stess, u addattat għall-Malti b’ħila kbira minn Joe Galea, jolqotni immens! Kemm ikellimni! Għax sabiħ! Dirett! Mill-qalb! Mingħajr rabja! U mimli mħabba u għożża! Għax joħroġni minni nnifsi u jfakkarni li jien ma ngħix waħdi. Mhux jien biss neżiżti. Imma jien parti minn dan il-ħolqien tal-Mulej! Katina maqgħuda ma’ ktajjen oħra li, flimkien, nagħmlu ġiżirana mill-isbaħ!

Dieħla ġo qalbi/Hena ttini u ħlewwa/Tqattar mimlija/Bit-tagħrif tas-sewwa. Sabiħa l ħajja/Meta hi mibnija/Bl-imħabba t’Alla/ Li ħalaqha għalija. Rit: Ħajr nagħtu ’l Alla/
Għall-ġmiel li hawn madwarna/Hu ħejja d-dinja/ Għalija u għalik. Min xegħel il-kwiekeb/
Tella’ x-xemx ħanina
/Il-qamar ħiemed/Li l-wens jagħtina. Il-ward fil-ġnejna/L-ikħal nir tal-baħar/L-ilmijiet safja/Min bihom jiftaħar? 

Xi ġmiel il-kwiekeb, ix-xemx, il-qamar, il-ward, il-baħar, l-ilmijiet! Min bihom jiftaħar? Xi ġmiel l-annimali li nrabbu b’tant imħabba! L-għaliex issib min jaħqarhom? Imma min, minn fost tant ħlejjaq sbieħ, jiftaħar fil-kapolavur tal-ħolqien, it-tarbija fil-ġuf? Mhijiex din għaġeb tal-għeġubijiet? M’hijiex din il-ħlejqa maħluqa b’tant preċiżjoni u mħabba mill-Ħallieq? Mhux għalhekk li l-Ħallieq ħalaqha fl-aktar post sigur li hawn fl-univers, jiġifieri fil-ġuf tal-omm? Mhux minn hemm ħareġ Ibnu u Ħuna l-Kbir Ġesù Kristu, mill-ġuf ta’ Marija? Mhux il-Missier ħalqu ġuf l-omm?

Għax jekk il-ħajja hi sabiħa, l-għaliex mimlija bl-imħabba t’Alla li ħalaq għalija, kif mhijiex issa kompluta fil-milja tagħha bit-tnissil ta’ tarbija? U jekk aħna nagħmlu minn kollox biex insalvaw ħajja ta’ bniedem minn mewta ċerta minħabba l-mard, u nagħmlu sewwa, għax il-ħajja hi prezzjuża, kemm aktar għandna nieħdu ħsieb u niddefendu l-ħajja tant vulnerabbli fil-ġuf?

Sabiħa l-ħajja meta hi mimlija b’ħajja ta’ tarbija! Li ħalaqha b’rigal għalik u għalija! Ħajr nagħtu lil Alla għal dan il-ġmiel li hawn madwarna li hu ħejja għalija u għalik! Ħa niftakru fil-kliem sabiħ ta’ Papa Franġisku li bħala Maltin tant inħobbu nammiraw: Kull tarbija mhix imwieldha, iżda kundannata inġustament biex tkun abortita, għandha il-wiċċ Ġesù Kristu, għandha il-wiċċ tal-Mulej, li sa minn qabel twieled, kif ukoll meta twieled, kien rifjutat mid-dinja (nru.2).

Sabiħa l-ħajja għax sabiħ wiċċ Ġesù Kristu f’tarbija mhux imwielda! Għalhekk ikrah il-qtil tal-abort li jeqred lil dan il-Wiċċ li ġurnata, irridu jew ma rridux, għad narawh quddiem wiċċna.

Sabiħa l-ħajja!

Patri Mario Attard OFM Cap