Ilkoll ulied l-istess Missier

Il-Ħamis, 8 ta’ Lulju 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’għeluq l-20 sena mill-eżumazzjoni u t-trasferiment tal-fdalijiet ta’ Dun Ġużepp Cauchi. Ċimiterju tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Il-Vanġelu li għadna kif smajna (Mt 10:7-15) jaqbel tassew ma’ din l-okkażjoni tal-lejla għax jiddeskrivi l-ħajja ta’ dixxiplu li huwa mibgħut; fi kliem ieħor, il-ħajja tal-Appostlu. Kull wieħed u kull waħda minna, ilkoll kemm aħna, mibgħutin minn esperjenza tal-ħajja tagħna – min hu ġenitur, min għandu tip ta’ xogħol – sabiex niltaqgħu ma’ persuni oħra, u żgur li aħna msejħin biex inwasslu s-Saltna ta’Alla, fi kliem ieħor, inwasslu lil Ġesù lil persuni oħra. Imqar min minna jgħix waħdu, mhux imsejjaħ li jgħix ħajja solitarja. Allura lkoll kemm aħna għandna s-sejħa li jagħmlilna l-Evanġelju tal-lum.

Il-Vanġelu tal-lum jistedinna biex ma’ kull min niltaqgħu, kull fejn inkunu, inkunu kemm jista’ jkun pożittivi, ngħinu lill-persuni ta’ madwarna jintrefgħu ’l fuq u mhux inniżżluhom iktar ’l isfel; nagħtuhom kelma ta’ faraġ u ta’ kuraġġ, u mhux kelma ta’ ġudizzju jew ta’ kritika. Ħafna drabi, biex toħroġ il-persuna tagħna, biex naffermaw lilna nfusna jew fid-djar tagħna, nispiċċaw biex immaqdru jew inpoġġu fid-dell lil ħaddieħor. Forsi mhux f’wiċċu, għax forsi m’għandniex dik il-kapaċità ta’ sinċerità jew dik il-qawwa li nkunu aħna u ngħidu dak li nħossu quddiem il-persuna; imma, agħar u agħar, nispiċċaw ngħidu u nitkellmu kontra dak jew kontra dik ma’ persuni oħrajn.

B’mod sempliċi imma fl-istess ħin qawwi ħafna, il-Vanġelu tal-lum jistedinna nkunu dejjem pożittivi ma’ xulxin u anki meta niġu biex nikkritikaw. Imqar meta niġu biex nagħmlu xi twissija, it-twissija tagħna m’għandhiex tkun dik li twassal għall-qerda, għall-mewt, għall-qtigħ ta’ qalb, imma twissija li tagħti tama. Hemm differenza bejn wieħed li jwissi biex jgħaffeġ persuna, biex ikissirha, biex ipoġġiha f’kantuniera, u wieħed li jipprova jwissi persuna biex jaraha aħjar, biex tikber, biex jagħtiha ċans li tkun aħjar milli hi s’issa. Żgur illi Dun Ġużepp Cauchi f’ħajtu pprova jagħmel kulma seta’ biex dan il-Vanġelu ta’ dixxiplu mibgħut jipprova jgħixu fil-ħajja tiegħu.

L-Ewwel Qari (Ġen 44:18-21,23b-29; 45:1-5) jirrakkonta l-istorja ta’ Ġużeppi u ta’ ħutu, imma jirrakkonta wkoll l-istorja ta’ kull familja. Kieku jkollna nieqfu nirriflettu ftit, hemm dik il-persuna li hija meqjusa bħala l-ippreferuta fost l-aħwa. Ngħidu aħna, dejjem hemm dik il-persuna illi, sa minn meta konna żgħar, konna nħossu illi għandha l-privileġġi, anki jekk forsi fil-fatt ma jkollhiex; imma din hija sensazzjoni li ngħixu biha. U kif ġara lil Ġużeppi u daħlet l-għira f’ħutu, tidħol l-għira bejnietna u mbagħad din tispiċċa biex tagħmel ħafna affarijiet koroh. L-għira tasal sabiex saħansitra tipprova tneħħi u teqred lill-persuna. L-istorja li smajna dawn il-ġranet, l-istorja ta’ Ġużeppi fil-Qari tal-Quddiesa, wasslet biex saħansitra jitfgħuh ġo bir u jbigħuh.

Kultant aħna forsi naslu għal iktar minn hekk. Għaliex meta int ma tibqax tkellem persuna, meta tipprova taqtagħha minn ħajtek, int tkun qiegħed toqtolha f’qalbek, u dan ma jagħmilx unur lilna li nissejħu Nsara u allura aħna aħwa ta’ xulxin, ulied tal-istess Missier, barra li f’dak il-każ aħna aħwa fid-demm. Jekk nirriflettu, din l-istorja tirrakkuntalna kif dan Ġużeppi, li kien ippreferut minn missieru imma mwarrab għalkollox u mormi minn ħutu, jispiċċa jkun il-persuna illi ssalva l-familja kollha kemm hi, li jsalva lil ħutu. Kif jgħid is-Salm 118, il-ġebla li warrbu l-bennejja verament, f’dan il-każ, saret il-ġebla tax-xewka, il-ġebla l-aktar importanti. Ġużeppi, li kien imwarrab, miċħud u maqtul fil-qalb ta’ ħutu, jispiċċa biex jagħti l-ħajja, ikun hu l-kawża illi ħutu jieħdu l-ħajja fl-Eġittu. U allura dan jurina kemm irridu noqogħdu attenti fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, biex ma niġġudikawx, għax ħafna drabi li jiġri hu li kulħadd jara dak l-aspett mill-pożizzjoni tiegħu fejn ikun u mill-perspettiva tal-interessi tiegħu. Mhux hekk aħna niġġudikaw lil xulxin? Mhux b’mod oġġettiv, jiġifieri mhux b’mod ta’ veru, b’mod leali, imma niġġudikaw lil xulxin kulħadd skont kif jaqbillu, kulħadd skont l-interessi tiegħu.

Din il-Kelma minn naħa tistedinna biex inkunu pożittivi ma’ xulxin, biex ngħixu l-ħajja tagħna ta’ aħwa fl-ottimiżmu billi ngħinu lil xulxin, billi nerfgħu lil xulxin, ngħidu kelma ta’ ġid, nagħmlu ġest pożittiv ma’ xulxin. Fuq in-naħa l-oħra din il-Kelma tistedinna biex noqogħdu attenti ħalli nirrispettaw lil kull wieħed u waħda minn ħutna, b’mod speċjali lill-aħwa tal-familja. Għax ilkoll kemm aħna wlied tal-istess Missier!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading