Imbierek il-Mulej li jsalvana

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa tar-Raba’ ġimgħa tal-Avvent. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

L-innu ta’ Żakkarija, magħruf bħala l-“Benedictus”, hu innu sabiħ ħafna li bih Żakkarija juri l-gratitudni lejn Alla, u jfaħħru għaliex “ġie jżur u jifdi lill-poplu tiegħu”. U f’dan l-innu wkoll iħabbar li Ġwanni l-Battista, ibnu, kellu jkun dak li “jħejji t-triq għall-Mulej”, kif kien ħabbar fit-Testment il-Qadim il-Profeta Isaija. Dan l-innu jiġi ftit wara l-innu l-ieħor sabiħ tal-Magnificat, fejn hi Marija li tfaħħar lil Alla għal dak li għamel magħha, u tifraħ bis-salvazzjoni tiegħu.

Nixtieq li nħarsu lejn dan l-innu sabiħ u naraw dak li jgħidilna għal ħajjitna. Żgur li jurina kif aħna wkoll għandu jkollna f’qalbna l-gratitudni lejn Alla, u t-tifħir lil Alla għal dak li għamel magħna, speċjalment Alla li jsalvana, li lilna lkoll iġibilna s-salvazzjoni. Meta ftit sigħat oħra niċċelebraw il-Milied, u nkomplu niċċelebrawh imbagħad fil-ġranet ta’ żmien il-Milied, qegħdin proprju niċċelebraw is-salvazzjoni li Alla ġabilna, dan li Żakkarija jsemmi fl-innu tiegħu.

X’ifisser meta ngħidu “s-salvazzjoni”? Hawn Żakkarija jispjegaha, b’modi differenti, xi tfisser li Alla jsalvana. Jgħid: “…bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom, mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna”. Mela s-salvazzjoni tfisser l-ewwel nett li Alla hu dak li lilna jsalvana minn dnubietna, jaħfrilna dnubietna, aħna li lkoll kemm aħna midinbin. Aħna neħtieġu din is-salvazzjoni tiegħu li hi mogħtija mill-qalb ħanina tiegħu. Alla hu ħanin, u għax ħanin lilna jaħfrilna u lilna jsalvana. Meta jsalvana mid-dnub tagħna, jgħinna biex nintrefgħu mill-ħażen, ma nibqgħux fih, imma nagħrfu negħlbu l-ħażen billi ngħixu kif iridna Alla. Dik hi s-salvazzjoni li jġibilna Alla f’ħajjitna.

Jispjega ħaġ’oħra interessanti Żakkarija f’dan l-innu. Jgħid li Alla jsalvana mhux biss mid-dnub tagħna, imma “isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna”. Alla jsalvana minn dawk li, għal xi raġuni jew oħra, jixtiqulna d-deni. X’ifisser dan il-kliem? Isalvana mhux biss għax iħarisna minn dawn, imma għax jgħinna li f’qalbna ma jkollniex l-istess sentimenti tagħhom. Għaliex – hawn qed jitkellem fuq dawk li jobogħduna – meta xi ħadd jobogħdok, ta’ min hi l-problema? Tiegħu jew tagħha, għax f’qalbu jew f’qalbha hemm il-mibegħda u għalhekk ma jistax ikun hemm il-paċi. Meta qed jgħid “isalvana mill-għedewwa tagħna”, ifisser li lilna jsalvana, ma jħalliniex inkunu kkundizzjonati minn dawk li jixtiqulna d-deni, jew li jobogħduna, jew li jiktbu kliem ta’ insulti fuqna; imma wkoll biex f’qalbna ma jkollniex l-istess sentimenti tagħhom. Isalvana billi lilna f’qalbna jagħtina l-imħabba, ħalli anke ma’ dawk li jobogħduna, aħna nuru l-imħabba lejhom kif jixtieq minna Ġesu.

Xi tfisser is-salvazzjoni? Jgħid Żakkarija: “jagħtina l-grazzja …li naqduh bla biża’ ħajjitna kollha, bil-qdusija u l-ġustizzja quddiemu ħajjitna kollha”. Meta l-Mulej isalvana, ifisser li jgħinna ħalli f’ħajjitna nfittxu tassew dak li hu xieraq, dak li hu ġust, dak li hu sewwa quddiemu, fl-għajnejn tiegħu. Għax Alla ma jarax biss il-faċċata, imma jara l-qalb. Għalhekk li aħna f’qalbna nfittxu tassew dak li hu ġust, dak li hu sewwa, u dak li quddiemu tassew ikun ta’ ġieħ.

Dan hu innu sabiħ ħafna. Żakkarija bir-raġun jagħmel dan l-innu fejn ifaħħar lill-Mulej għas-salvazzjoni tiegħu. Hu proprju marbut mill-qrib ma’ dak li se niċċelebaw ftit sigħat oħra fil-Milied, u nkomplu niċċelebrawh fil-ġranet ta’ wara. Il-Milied hu l-festa ta’ Alla li jsalvana. Nitolbu biex aħna jkollna f’qalbna u anke f’fommna kliem ta’ gratitudni lejn Alla, bħal Żakkarija, kliem ta’ tifħir lil Alla, għas-salvazzjoni li hu ġab lil kull wieħed u waħda minna. 

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: