Papa: ‘Qatt ma għandha tirrepeti l-moħqrija li ma tistax titkellem tal-Olokawst’  

Print Friendly, PDF & Email

“Din il-moħqrija li ma tistax titkellem qatt m’għandha tiġi ripetuta”.

Dan kien l-appell li l-Papa Franġisku għamel fit-tmiem l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, jum qabel id-dinja tfakkar l-ħruxija tal-Olokawst, magħrufa wkoll bħala s-Shoah.

Il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst isir fid-data tal-ħelsien tal-kamp tal-mewt ta’ Auschwitz-Birkenau, fis-27 ta’ Jannar 1945.

Il-Papa qal lid-dinja trid tiftakar fl-“esterminazzjoni ta’ miljuni ta’ Lhud, nies ta’ diversi nazzjonalitajiet u twemmin reliġjuż”. Huwa lamenta dwar il-ġenoċidju ta’ madwar 6 miljun Lhud tal-Ewropa, jew żewġ terzi tal-popolazzjoni Lhudija tal-kontinent, li seħħ mir-reġin Nażista.

“Dan huwa poplu li bata. Huma sofrew ġuħ u moħqrija kbira, u jistħoqqilhom il-paċi”.

Il-Papa Franġisku appella wkoll lil kulħadd, iżda b’mod speċjali lill-“edukaturi u lill-familji, sabiex ikunu jistgħu jġibu f’ġenerazzjonijiet iżgħar l-għarfien tal-kruhat ta’ din il-paġna mudlama fl-istorja tal-bniedem”.

“Qatt m’għandu jintesa, sabiex inkunu nistgħu nibnu futur li fih id-dinjità tal-bniedem qatt ma terġa’ tiġi mġarrfa”.

Il-Papa Franġisku kien żar il-fdalijiet tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau fl-2016, fejn inqatel il-qassis Kattoliku San Massimiljan Kolbe, flimkien ma’ 1.1 miljun oħra. F’dik l-okkażjoni, l-Papa ma kien lissen ebda kelma, iżda ħaddan lil bosta persuni li rnexxielhom isalvaw mill-kamp u kienu preżenti hemmhekk. Huwa kiteb talba tiegħu bl-Ispanjol fil-Ktieb tal-Viżitaturi:

“Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek. Mulej, aħfer tant moħqrija!”

%d bloggers like this: