Il-Papa jappella għal paċi fl-Ukrajna, hekk kif tfaċċat theddida ta’ gwerra

Print Friendly, PDF & Email

Fi tmiem l-Udjenza Ġenerali tas-26 ta’ Jannar, il-Papa Franġisku talab lill-fidili “biex jitolbu għall-paċi fl-Ukrajna, issa u matul dan il-jum”. Il-Qdusija Tiegħu, l-Ħadd li għadda appella biex nhar is-26 ta’ Jannar isir jum internazzjonali ta’ talb għall-paċi, hekk kif ir-Russja qed tiġbor it-truppi tagħha tul il-fruntiera mal-Ukarjna.

Il-Papa talab lill-Mulej biex “jagħti li l-pajjiż jikber fl-ispirtu ta’ fraternità u li kull weġgħat, biża’ u firdiet jingħelbu”. Imbagħad ħeġġeġ biex it-talb u talbiet tal-lum ikunu offruti sabiex il-Mulej “jmiss l-imħuħ u l-qlub tal-mexxejja tad-dinja, biex jirbaħ id-djalogu u l-ġid komuni jitqiegħed qabel l-interessi partiġjani”.

Fl-aħħarnett, il-Papa talab li t-talba tagħna għall-paċi ssir bil-kliem tal-‘Missierna’, u spjega li “hija t-talba ta’ wlied lill-Missier wieħed, it-talb li jagħmilna aħwa, it-talb tat-tfal li jitolbu għar-rikonċiljazzjoni u l-armonija”.

It-talb għall-Ukrajna jasal hekk kif l-Istati Uniti u mexxejja dinjija oħra qed ikomplu jakkużaw lir-Russja li qed tħejji invażjoni militari fl-Ukrajna, akkuża li l-President Russu Vladimir Putin jiċħad.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-01/pope-francis-general-audience-ukraine-peace.html

%d bloggers like this: