Nisimgħu – Nemmnu – Ngħożżu

Print Friendly, PDF & Email

ĠEJ IL-PAPA FRANĠISKU! INĦALLU LI TKUN ŻJARA PASTORALI LI TQAWWINA FIL-FIDI

Konna ilna nistennewha! Suppost li seħħet ftit aktar minn sena ilu. Imma minħabba l-pandemija tal-Covid-19 iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta kellha tiġi posposta. Imma fl-aħħar waslet. Kien l-10 ta’ Frar 2022, festa solenni tan-nawfraġju ta’ Missierna San Pawl meta n-Nunzju Apostoliku tal-Papa għal Malta, Mons. Alessandro D’Errico, fi tmiem il-quddiesa pontifikali li saret fil-knisja kolleġġjali ta’ San Pawl fil-Belt Valletta ħabbar uffiċċjalment iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta u f’Għawdex. Din ser isseħħ nhar is-Sibt u l-Ħadd, 2 u 3 ta’ April 2022.

Xi tfisser iż-żjara tal-Papa fil-gżejjer tagħna?

Din hija r-raba’ darba li papa ġej iżur lil Malta u Għawdex. Diġà fis-snin l-imgħoddija kellna żewġ żjarat mill-qaddis il-Papa San Ġwanni Pawlu II (25-27 ta’ Mejju 1990 u 8-9 ta’ Mejju 2001) u aktar tard kellna t-tielet żjara ta’ papa fil-persuna tal-Papa Emeritu Benedittu XVI (17-18 ta’ April 2010). Issa jmiss lill-Papa Franġisku li jiġi jżurna.

Kull fejn marru l-papiet dejjem kellhom għan preċiż. Kellhom programm ta’ żjarat fl-istess pajjiż u knisja li jmorru jżuru. U dan il-għan dejjem kien wieħed pastorali b’tilqima spiritwali. F’kull żjara li l-Papa jagħmel dejjem jibqa’ jidwi l-kliem ta’ Kristu lil Pietru meta qallu: “Xmun! Xmun! Ara, ix-xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħal qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti, imbagħad, meta terġa’ lura għassewwa, WETTAQ LIL ĦUTEK FIL-FIDI.” (Lq. 22, 32)

X’ser tkun it-tweġiba tagħna?

Fil-mużew tal-knisja parrokkjali tax-Xewkija ġewwa Għawdex hemm lapida b’kitba bil-Latin li tesprimi l-mod kif kienu ġabu ruħhom missirijietna fil-miġja ta’ San Pawl f’Malta. Din il-kitba fi tliet kelmiet tgħid hekk: “Semgħu” – “Emmnu” – “Għożżew”.

Nemmen li hekk kif missirijietna Maltin u Għawdxin laqgħu lil San Pawl fil-miġja providenzjali tiegħu fi gżiritna hekk irridu nagħmlu aħna matul il-miġja fostna talPapa Franġisku fl-ewwel ġranet tax-xahar ta’ April.

Nisimgħu

Il-Papa Franġisku ġej fostna sabiex bilkelma tiegħu bħala ragħaj tagħna jkompli jħeġġiġna u jqawwina fil-fidi. Żgur li ser tkun kelma mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla, adattata għalina fiż-żminijiet u ċ-ċirkustanzi li aħna għaddejjin minnhom illum.

Hekk kif jgħidilna San Pawl: “Il-fidi missmigħ u s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla” (Rum. 10, 17). Għalhekk tajjeb li niftħu mhux biss widnejna imma wkoll qalbna, ħalli nisimgħu kull kelma, kull mesaġġ li l-Papa ġej biex iwasslilna. Anke jekk ma nkunux nistgħu nattendu għall-attivitajiet kollha, żgur bil-mezzi ta’ komunikazzjoni li għandna ser inkunu nistgħu nisimgħu kull diskors li l-Papa ser jagħmel lilna. Nisimgħuhom u nħallu l-kelma tiegħu tħeġġiġna, tmiss il-qalb tagħna u tikkonvertina mhux biss għax minn midinbin nibdlu ħajjitna imma wkoll għax minn tajbin insiru aħjar. Inħallu li fil-leħen tal-Papa nisimgħu l-leħen ta’ Kristu, li lilu jirrappreżenta.

Nemmnu

It-tieni kelma li tesprimi l-mod kif ġabu ruħhom missirijietna meta San Pawl ġie Malta hija dik li huma emmnu fil-kelma li wasslilhom, emmnu fl-Evanġelju. Tant emmnu li San Pawl wettaq diversi mirakli matul it-tliet xhur li dam fostna. Ladarba saru l-mirakli sinjal li kien hemm il-fidi. Ilmirakli jseħħu meta hemm il-fidi.

Ejjew aħna wkoll quddiem il-kelma talPapa Franġisku mhux biss nisimgħuha, bil-periklu li minn widna tidħol u milloħra toħroġ, imma nħalluha tmiss il-qalb tagħna; nemmnuha mhux daqstant bħala l-kelma tal-Papa imma bħala l-Kelma ta’ Alla, kif tassew hi. Bil-għan li dan iseħħ fina jeħtieġ li lill-Papa u lil kull kelma li ser jgħidilna nilqgħuhom b’qalb ta’ tfal żgħar għax tagħhom u ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Tilqa’ b’qalb ta’ tifel ifisser li tilqa’ b’qalb miftuħa u sempliċi bla ma toqgħod tikkritika u tmeri.

Ngħożżu

Missirijietna għożżew fil-fond ta’ qalbhom it-tagħlim li ġabilna San Pawl. Mal-medda ta’ elfejn sena Malta u Għawdex, minkejja l-ħafna ħakmiet u mumenti diffiċli li għaddejna minnhom, għall-grazzja ta’ Alla bqajna sħaħ fil-fidi.

Però mhux biżżejjed noqogħdu nħarsu lejn Malta tal-imgħoddi u nħossuna kburin u anke niftaħru li żammejna l-fidi tagħna sħiħa, imma rridu naraw x’aħna nagħmlu llum. Qegħdin tassew illum bħala poplu ngħixu l-fidi tagħna? Hemm kurrenti foloz u żbaljati, anke ġejjin minn ġewwa, li qed ipoġġu l-valuri marbuta ħaġa waħda malfidi tagħna fi kriżi, f’periklu? Żgur li fuq dan ser ikellimna l-Papa Franġisku matul il-jumejn li ser jgħaddi magħna. Żgur li l-Papa nistennewh jirrepeti l-kliem li kien qalilna l-Papa Emeritu Benedittu XVI qabel ħalla Malta: “Kunu kburin bis-sejħa Nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom.” U biex ngħożżu dan il-wirt reliġjuż irridu ngħixuh aħna u ngħadduh lil uliedna u wlied uliedna.

Jalla ż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta ma tkunx ħela ta’ żmien, ta’ enerġija u ta’ flus. Nitolbu ħalli tkun mument ta’ grazzja, investiment pastorali u spiritwali, żmien ta’ qawmien spiritwali u konverżjoni. Ammen!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!

Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap

%d bloggers like this: