Il-Ħamis, il-Papa Franġisku rċieva f’udjenza lill-membri tal-Kummissjoni Konġunta Internazzjonali għad-Djalogu Teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi Orjentali. Fl-indirizz tiegħu, l-Papa rringrazzja lill-Kummissjoni għall-ħidma prezzjuża tagħha li ppermettiet progress sostanzjali fil-proċess ta’ djalogu lejn komunjoni sħiħa. Huwa laqgħa bil-ferħ, fl-aħħar kisbiet li għamlet il-Kummissjoni fid-diskussjoni dwar is-Sagramenti li, qal, “jistgħu jimmarkaw pass ġdid ‘il quddiem” lejn dan il-għan.
F’dan ir-rigward, il-Papa Franġisku qasam ir-riflessjonijiet tiegħu fuq tliet punti. L-ewwel punt li enfasizza huwa li l-ekumeniżmu huwa essenzjalment tal-magħmudija: “Huwa fil-Magħmudija li jinstab il-pedament tal-komunjoni bejn l-insara u x-xenqa għal għaqda viżibbli sħiħa”, qal il-Papa Franġisku.
Fit-tieni lok, il-Papa Franġisku rrimarka li l-kunsens wiesa’ milħuq mill-Kummissjoni mhux biss dwar il-Magħmudija, iżda wkoll dwar is-Sagramenti l-oħra, u li dan għandu jħeġġeġ lill-Knejjes Kattoliċi u Ortodossi Orjentali biex japprofondixxu l-ekumeniżmu pastorali.
Filwaqt li nnota li tul dawn l-aħħar deċennji diġa’ ġew iffirmati bosta ftehimiet pastorali ma’ xi Knejjes Ortodossi tal-Mvant, li jippermettu lill-fidili jipparteċipaw fis-Sagramenti, anki mingħajr ma jkunu f’komunjoni sħiħa, l-Papa Franġisku esprima t-tama li “l-Ispirtu s-Santu jista’ jispira modi kif inkomplu nimxu f’din it-triq”. Huwa saħaq, li din it-triq tiffoka fuq “il-ġid tal-poplu ta’ Alla u mhux fuq distinzjonijiet morali, teoloġiċi jew ideoloġiċi”.
Il-Papa kompla jenfasizza li l-ekumeniżmu diġa’ jeżisti bħala realtà primarjament lokali, mhux biss fil-Lvant Nofsani, iżda wkoll f’pajjiżi tal-Punent fejn emigraw l-insara minn dan ir-reġjun, fil-forma ta’ “ekumeniżmu tal-ħajja”.
“Ħafna fidili – qed naħseb, fuq kollox, f’dawk fil-Lvant Nofsani, iżda wkoll f’dawk li emigraw lejn il-Punent – diġa’ qed jesperjenzaw l-ekumeniżmu tal-ħajja fil-ħajja ta’ kuljum tal-familja tagħhom, tax-xogħol, taż-żjarat ta’ kuljum. U spiss jesperjenzaw flimkien l-ekumeniżmu tat-tbatija, b’xhieda komuni tal-isem ta’ Kristu, xi drabi anke bi prezz ta’ ħajjithom”.
Il-Papa Franġisku, għalhekk, qal li “l-ekumeniżmu teoloġiku għandu jirrifletti mhux biss fuq id-differenzi dommatiċi li nqalgħu fil-passat, iżda wkoll fuq l-esperjenza attwali tal-fidili tagħna”.
Biex jiżdied għarfien fratern akbar, il-Papa kompla enfasizza l-importanza li jiġu involuti l-ġenerazzjonijiet iżgħar, attivi fil-komunitajiet lokali, “biex id-djalogu dwar id-duttrina jimxi flimkien mad-djalogu tal-ħajja”. Filwaqt li jieħu s-sensi tiegħu mit-tema tal-fażi li jmiss ta’ diskussjoni fil-Kummissjoni, li se tiffoka fuq il-Verġni Marija fit-tagħlim u l-ħajja tal-Knisja, l-Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu bil-kliem tat-talba antika lil Omma Alla, biex tinvoka l-protezzjoni u l-appoġġ tagħha.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-calls-for-dialogue-of-life-with-oriental-orthodox-churches.html