Għall-benefiċċju tal-qarrejja, tajjeb li ngħidu li l-Laqgħa Dinjija tal-Familji (World Meeting of Families – WMOF), kienet saret l-ewwel darba fl-1994 fuq ix-xewqa tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Din il-Laqgħa ssir kull tlett snin.
Fil-Laqgħa Dinjija tal-Familji ta’ din is-Sena, il-Papa Franġisku kellimhom f’żewġ okkażjonijiet. Fit-22 ta’ Ġunju 2022 għamel diskors qawwi ħafna. Imbagħad kellimhom mill-gdid fil-25 ta’ Ġunju f’Omelija waqt il-quddiesa …
Aħna kellna x-xorti li mmorru dik li saret fl-Irlanda (2018), u din li saret ftit ilu, sewwa sew f’Ġunju, Ruma. Kienu ħamest ijiem ta’ grazzja kbira, fejn stajna naraw il-familji Nsara u nisimgħu t-testimonjanzi tagħhom, ta’ kif jgħixu l-virtujiet teologali tagħhom.
Kien hemm żewġ testimonjanzi li laqtuna ħafna: kien hemm familja li kellhom seba’ ulied; il-kbira forsi kellha 15-il sena. Jirrakkontaw kif darba fost l-oħrajn, waqt ħarġa flimkien kollha kemm huma, tlieta minn dawn l-aħwa, xtaqu ġilat. Il-missier ħalliehom imorru mat-tifla l-kbira u l-kuġina oħra tagħhom. Iżda jiġri, li waqt li kienu sejrin, wieħed sakranazz li kien qed isuq b’veloċita` ta’ 150 kilometru fis-siegħa, tajjarhom kollha, u qatel lit-tliet aħwa u l-kuġina, u lit-tifla ta’ 15-il sena darabha. U hekk, fil-laqgħa, smajna t-testimonjanza tal-ġenituri, ta’ kif għixu l-maħfra f’din it-traċedja; ta’ kif ħafru lil dan ix-xufier; ta’ kif ma għandhomx rabja għalieh.
Huma rrakkontaw kif, meta l-ġurnalisti bdew imorru jistaqsu lill-ġenituri dwar il-ġustizzja, l-ġenituri bdew jagħmlu emfasi dwar it-talb u l-maħfra, tant li kuljum fuq l-aħbarijiet tal-Awstralja – fejn seħħ il-każ – kien hemm kliem dwar l-importanza tat-talb u l-maħfra f’ċirkostanzi ta’ tbatija u telf. Tant kienet qawwija din il-ħaġa mill-ġenituri, li saħansitra, l-Gvern Awstraljan, iddedika ġurnata nazzjonali dwar “Il-Maħfra”. Kien hemm testimonjanzi oħra qawwija li ħallewna naħsbu dwar jekk aħna, bħala familja, hux verament qed ngħixu l-ħajja Nisranija li nistqarru kuljum.
Għalhekk, ġejna lura b’aktar kuraġġ u mpenn li ngħixu l-Verità li hu Ġesù Kristu. Nagħlaq billi nistieden lill-qarreja biex jieħdu deċiżjoni serja dwar il-ħajja Nisranija, u li jkunu konxji li din ma tistax tgħixha waħdek. Wieħed mill-elementi li jgħinuk tikber spiritwalment, huwa li tingħaqad ma Nsara oħrajn u timxu flimkien.
Claudio u Antoinette Laferla