Il-Papa lill-Kardinali l-ġodda: “Jalla nwasslu n-nar tal-imħabba ta’ Alla lil kulħadd”.  

Print Friendly, PDF & Email

Filwaqt li kkwota silta mill-Evanġelju ta’ San Luq meta Ġesù jgħid: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġa’ qabad!”, il-Papa Franġisku ffoka l-omelija tiegħu fuq ix-xbieha tan-nar, “il-fjamma qawwija tal-Ispirtu ta’ Alla”, li tirrifletti “l-imħabba passjonata li tippurifika, tirriġenera u tittrasfigura l-affarijiet kollha”. L-Papa ħares lejn żewġ eżempji ta’ dan ‘in-nar’: “in-nar li jikkunsma” tal-imħabba ta’ Alla, u n-nar tal-faħam “kwiet u ġentili” li Ġesù uża fix-xatt meta sajjar il-ħut għad-dixxipli, kif jirrakkonta l-Evanġelju ta’ San Ġwann.

Il-Papa kien qed jitkellem fil-Konċistorju Pubbliku Ordinarju għall-ħolqien tal-Kardinali, li sar is-Sibt fil-Bażilika ta’ San Pietru. Dan kien it-tmien Konċistorju tal-Papa Franġisku, li fih inħolqu 20 Kardinal ġdid, li 16 minnhom għandhom taħt it-80 sena, u b’hekk huma eletturi f’Konklavi li jmiss. Il-Papa Franġisku talab għall-Kardinal tal-Ghana Richard Kuuia Baawobar, l-Isqof ta’ Wa, l-Ghana, li nhar il-Ġimgħa, mal-wasla tiegħu fl-Italja, kellu jidħol l-isptar minħabba li marad.

Fl-omelija tiegħu waqt il-Konċistorju, l-Papa nnota li għal dawk li ngħataw ministeru ta’ servizz partikolari, “qisu Ġesù li qed jagħtina torċa mixgħula” u jgħidilna: “Ħudu dan; kif bagħtni Missieri, hekk jien nibgħat lilkom”. B’hekk, il-Mulej jagħtina l-“kuraġġ appostoliku” u l-ħeġġa tiegħu għas-salvazzjoni ta’ kull persuna, mingħajr eċċezzjoni.

“Hu jrid jaqsam magħna l-ġenerożità Tiegħu, l-imħabba bla limitu u bla kundizzjonijiet Tiegħu, għax qalbu hi n-nar bil-ħniena tal-Missier”.

Il-Papa spjega, li fi ħdan dan in-nar, teżisti, “tensjoni misterjuża” tal-missjoni Tiegħu li jilħaq b’fedeltà lejn il-poplu Tiegħu, iżda b’“ftuħ għall-popli kollha, għall-orizzonti tad-dinja, għal periferiji li għadhom mhux magħrufa”. Huwa qal, “li dan huwa n-nar li Ġesù ġei biex iqabbad fuq l-art, nar li l-Ispirtu s-Santu jqabad fil-qlub, fl-idejn u fis-saqajn ta’ dawk kollha li jimxu warajh”.

In-nar tal-faham tal-kannol (charcoal), spjega l-Papa, jirrifletti “l-ħlewwa, l-fedeltà, l-qrubija u t-tenerezza” ta’ Ġesù, u kif “induqu l-preżenza ta’ Ġesù ħaj f’nofsna”.

“Bħal dak in-nar tal-faħam, il-preżenza tiegħu ssir sħana u nutriment għall-ħajja tagħna ta’ kuljum”.

Il-Papa semma l-eżempju ta’ San Charles de Foucauld “li għex għal snin sħaħ f’ambjent mhux Nisrani, fis-solitudni tad-deżert, ipoġġi kollox fuq il-preżenza: l-preżenza ta’ Ġesù ħaj, fil-Kelma u fl-Ewkaristija, u l-preżenza tiegħu stess, fraterna, amikevoli u ta’ karità”. L-Qdusija Tiegħu semma eżempji oħra ta’ reliġjużi u qassisin “li pperseveraw f’ministeru diżinteresattiv u bla pretenzjoni,” kif ukoll koppji miżżewġin li jżommu ħajja l-fjamma tal-imħabba ta’ Alla permezz tas-servizz umli tagħhom u t-trobbija tat-tfal. Semma n-nar li l-anzjani jixhdu pemezz tal-memorja u l-esperjenza tagħhom li jaqsmu mal-familja u l-komunità, jgħaqqdu u jmexxu ‘l quddiem nies ta’ ġenerazzjonijiet differenti.

“Għeżież ħuti Kardinali, bid-dawl u bil-qawwa ta’ dan in-nar jimxi l-poplu qaddis u fidil li minnu ġejna meħuda u li ġejna mibgħuta lilu bħala ministri ta’ Kristu l-Mulej”.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-20 Kardinali ġdid biex jirriflettu dwar kif in-nar doppju ta’ Ġesù li jiġi esperjenzat f’ħajjithom u biex jaraw kif “bniedem ta’ ħeġġa appostolika huwa mħeġġeġ min-nar tal-Ispirtu biex jitħaseb, b’kuraġġ, f’affarijiet il-kbar u anke żgħar”.

Waqt li fakkar f’żewġ testimonjanzi partikolari, l-Papa tkellem dwar il-Kardinal Taljan Agostino Casaroli, magħruf għall-ftuħ tiegħu biex jippromwovi d-djalogu li jħares il-bogħod u biex iwieġeb għat-tamiet ġodda li nfetħu fl-Ewropa wara l-Gwerra l-bierda. Filwaqt li ffoka fuq dawn il-kwistjonijiet kbar, b’umiltà u fil-kwiet wettaq ukoll żjarat regolarji lill-priġunieri fil-qasam pastorali tiegħu permezz tal-ministeru tal-ħabs. Fakkar ukoll fil-mibki Kardinal Vjetnamiż Van Thuân, li matul is-seklu għoxrin “kien immexxi min-nar tal-imħabba tiegħu għal Kristu biex jieħu ħsieb ir-ruħ tal-gwardjani tal-ħabs li jħarsu lejh fil-bieb taċ-ċella tal-ħabs tiegħu”.

Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku ħeġġeġ lil kulħadd biex jikkontempla lil Ġesù, li jurina “dan il-kobor umli, din il-qawwa bla preżunzjoni, din il-viżjoni universali dejjem attenta għall-partikolaritajiet”. Meta tkellem metaforikament, qal lis-sigriet tan-nar ta’ Alla jdawwal is-sema u jsajjar bil-mod l-ikel ta’ familji foqra, migranti u persuni bla dar.

“Illum ukoll Ġesù jrid iġib dan in-nar fuq l-art. Irid jixgħela mil-ġdid fuq ix-xtut tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ġesù jsejħilna b’isimna; iħares f’għajnejna u jistaqsi: Nista’ noqgħdod fuqek?”     

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-08/pope-to-new-cardinals-may-we-bring-fire-of-god-s-love-to-all.html

%d bloggers like this: