Il-Kardinal Awstraljan George Pell, prefett emeritu tas-Segretarjat għall-Ekonomija, miet it-Tlieta filgħaxija, għall-ħabta ta’ 9pm, f’Ruma. Huwa kellu 81 sena. Il-Kardinal miet b’kumplikazzjonijiet fil-qalb wara operazzjoni tal-ġenbejn li kienet ilha ppjanata. Ftit tal-jiem ilu ikkonċelebra fil-funeral tal-Papa Benedittu XVI.
Kardinal Pell –kien ilu jbati minn problemi tal-qalb għal xi żmien u kien ilu bil-pacemaker mill-2010. Huwa rritorna Ruma fl-2020, sentejn wara l-proċess tiegħu fl-Awstralja fuq allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fuq minorenni fis-snin disgħin.
F’Ġunju tal-2017, Kardinal George Pell kien inżamm taħt akkuża u rritorna lura pajjiżu biex jgħaddi ġuri. L-Papa Franġisku kien tah leave of absence biex ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsu mill-akkużi. Wara smigħ ġudizzjarju twil, il-Qorti tal-Istat ta’ Vittoria kienet ordnat l-arrest tal-Kardinal, u rrevokat il-libertà proviżorja mogħtija lilu wara l-akkuża tiegħu f’Diċembru 2018. F’Marzu 2019, kien ġie ikkundannat sitt snin ħabs mill-Qorti Suprema tal-Awstralja. L-avukati tal-Kardinal Pell kien appellaw is-sentenza. F’April 2020, il-Qorti Suprema tal-Awstralja, ħelsitu minn kull akkuża. Is-sentenza kienet ġiet milqugħa mis-Santa Sede, li fi stqarrija qalet li dejjem poġġiet il-fiduċja tagħha fl-awtorità ġudizzjarja Awstraljana.
Qabel il-ħelsien tiegħu, l-Karidnal Pell qatta’ 404 jum f’ċella f’żewġ ħabsijiet ta’ sigurtà massima f’Melbourne u Barwon minn Frar sa Lulju 2019. Kienet esperjenza karxa, li kienet tinkludi perjodu ta’ priġunerija solitarja, li f’dak iż-żmien il-Kardinal kiteb f’memorja intitolata “Prison Journal”, ippubblikat fi tliet volumi minn Ignatius Press. Huwa kien jikteb kuljum il-laqgħat li kien ikollu ma’ priġunieri oħra, iż-żjarat u l-ittri li rċieva, u t-talb u l-liturġija li akkumpanjawh waqt li kien fil-ħabs.
“L-esperjenza tiegħi turi kemm jgħinna t-tagħlim tal-Knisja, kemm jgħin it-talb u t-tfittxija tal-grazzja ta’ Alla”, qal f’intervista ma’ Radju Vatikan. F’dik l-istess intervista, huwa spjega għaliex kiteb kontinwament matul iż-żmien tal-ħabs, “Għax ħsibt li jista’ jkun ta’ għajnuna għal min jinsab f’diffikultà, għal min għaddej minn żmien ta’ tbatija, bħalma kont jien.” Żied jgħid, “Imbagħad ħsibt li ż-żamma ta’ djarju tkun ta’ xi nteress mil-lat storiku, għax ma tantx kien hemm Kardinali li kellhom l-esperjenza tal-ħabs”.
Imwieled Ballarat, Victoria, fl-1941, kien l-ewwel Arċisqof ta’ Sydney u mbagħad Arċisqof ta’ Melbourne. Fit-13 ta’ April 2013, kien ġie msejjaħ mill-Papa Franġisku, biex jingħaqad mal-Kunsill tal-Kardinali biex jistudjaw proġett ta’ riforma u jassistih fit-tmexxija tal-Knisja. Fl-24 ta’ Frar 2014, huwa nħatar prefett tas-Segretarjat għall-Ekonomija li kienet għadha kif twaqfet, u beda serje ta’ riformi finanzjarji. Huwa ħalla ż-żewġ karigi f’Diċembru 2018 u fi Frar 2019, rispettivament.
Wara rritorn tiegħu f’Ruma, l-Kardinal Pell kien ġie milqugħ mill-Papa fil-Palazz Appostoliku fit-12 ta’ Ottubru 2021. F’dik l-okkażjoni, l-Papa Franġisku rringrazzja lil Pell għax-“xhieda” tiegħu. F’intervista ta’ qabel il-Milied ma’ Mediaset tal-istess sena, il-Qdusija Tiegħu kien fakkar fil-ħidma prezzjuża li għamel il-Kardinal Pell fil-qasam ekonomiku, filwaqt li rrimarka li minħabba “kalunnja” – b’referenza għall-allegazzjonijiet ta’ abbuż fl-Awstralja – Pell kellu “jitbiegħed minn din l-amministrazzjoni”. “Kien Pell li fassal il-qafas ta’ kif nistgħu nimxu ‘l quddiem”, qal il-Papa. “Hu raġel kbir u aħna grati ħafna lejh”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-01/cardinal-george-pell-dies-in-rome.html