Bħal daż-żmien sittin sena ilu, fil-Knisja Kattolika kienet għaddejja ġrajja meraviljuża, il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Bosta forsi jqisuh bħala avveniment li seħħ fl-imgħoddi u llum intemm. Oħrajn għandhom mnejn lanqas biss semgħu bih jew ftit li xejn jimpurtahom minnu. Imma għax koxju minn dan, ftit tax-xhur ilu, waqt laqgħa li kellu l-Papa Franġisku ma’ grupp ta’ isqfijiet u saċerdoti, qalilhom,
“Qabel nispiċċa ma nistax ma nkellimkomx fuq ħaġa li tħassibni, tħassibni mhux ħażin. Nistaqsi: ir-riforma li beda l-Konċilju, kif sejra, fostkom?”
Din id-domanda li dakinhar huwa għamel lilhom, illum irridu ntennuha wkoll lilna nfuusna u lil xulxin, “Ir-riforma li beda l-Konċilju, kif sejra fostna?”
Mhux l-għan tagħna li nfakkru l-istorja jew li niċċelebraw xi anniversarju. Mhix la nostalġija tal-passat u lanqas xewqa li nqajjmu l-mejtin, kif kont akkużat li qed nippruvaw nagħmlu. Imma hija għajta qawwija, li aktar nisemgħu f’qalbna milli f’widnejna. Hija ħolma, li aktar noħolmu binhar milli bil-lejl, li fil-Knisja tagħna nerġgħu nibdew inħossu qlubna mkebsa kif kienu ħassew bla ma ntebħu mill-ewwel, dawk iż-żewġ dixxipli bikrija, huma u jaħarbu mir-realtajiet li seħħew madwarhom f’dawk il-jiem biex immorru lura lejn ir-raba’ tagħhom. U huma, minkejja li kien sar ħafna ħin u l-jum kien ġa wasal biex jintemm, dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura lejn iċ-ċenaklu.
Kien hemm li miġbura flimkien ma’ sħabhom l-ohra, stennew li sseħħ fihom il-wegħda li kienet saritilhom ftit jiem qabel. Kien hemm li niżel fuq kull wieħed u kull waħda minnhom dak l-ilsien nar, li kebbes il-ġamar li kien diġà kellhom f’qalbhom, u tefagħhom ‘l barra. Kien minn hemm li xterdu mad-dinja kollha biex fost il-ġnus li ltaqgħu magħhom huma wettqu dak li xtaq minnhom l-Imgħallem Divin tagħhom meta qalilhom, “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!”
Kif tista’ tisma’ f’qalbek dak il-kliem u tibqa’ biered?
Jekk inti wkoll, minkejja l-kesħa ta’ madwek, qed tħoss qalbek imkebbsa, iktbilna ħalli niltaqgħu u nitkellmu. Ħalli naqsmu ħsibijietna. Ħalli jiena u inti wkoll nagħtu s-sehem żgħir tagħna fit-tkebbbis tal-ħuġġieġa. Anke jekk jitlob minna li niġbru l-ħatab.
L-email tagħna faċli tiftakru … koncilju@gmail.com