L-Għaqdiet Pontifiċji Missjunarji jniedu ġabra speċjali għat-Turkija u s-Sirja meqruda

Print Friendly, PDF & Email

Hekk kif in-numru ta’ mwiet mit-terremot devastanti tal-ġimgħa li għaddiet fit-Turkija u s-Sirja qed ikompli jiżdied bla ħniena, d-Direttorati nazzjonali tal-Għaqdiet Pontifiċji Missjunarji (PMS), nedew ġabra speċjali biex jipprovdu serħan immedjat lis-superstiti, u jwieġbu għas-sejħa tal-Papa Franġisku għas-solidarjetà man-nies taż-żewġ pajjiżi ġirien.

L-għaqdiet missjunarji Kattoliċi, magħrufa wkoll bħala Missio, jinkludu l-Għaqda għall-Propagazzjoni tal-Fidi, s-Soċjetà ta’ San Pietru Appostlu, l-Għaqda Tfulija Mqaddsa u l-Għaqda Missjunarja tas-Saċerdoti u r-Reliġjużi. Skont l-aġenzija Fides, id-dħul mill-ġbir li se jsir mill-PMS’s nazzjonali se jiġi kkordinat permezz tal-Arċisqof Emilio Nappa, President tal-PMS, b’koordinazzjoni mad-Direttorati tal-PMS tat-Turkija u s-Sirja li jafu aktar il-bżonnijiet urġenti fuq il-post.

“Il-messaġġ tiegħi hu sejħa għat-talb u l-ġenerożità fiż-żminijiet ta’ wara”, qal Patri Adrian E. Loza, OFM, Direttur Nazzjonali tal-Għaqdiet Pontifiċji Missjunarji fi stqarrija ppublikata mid-Direttorat Nazzjonali tal-PMS-Awstralja. “Wara li jkunu għaddew l-ewwel mumenti, jibda t-tieni u t-tielet stadju. Luttu u bini mill-ġdid. Ikollna nibnu mill-ġdid u nsewwu ħafna bini u knejjes u ngħinu lin-nies jimxu ‘l quddiem”. PMS-Awstralja hija fost l-ewwel Direttorati nazzjonali li nedew appelli ta’ emerġenza għat-terremoti għat-Turkija u s-Sirja, flimkien mal-Isvizzera, Franza, Spanja, Malta u l-Istati Uniti.

“Is-sitwazzjoni f’Aleppo llum hija katastrofika, aħna mdawrin bil-kaos u d-deżert”, qal l-Isqof Mounir Saccal, direttur nazzjonali tal-PMS fis-Sirja u Vigarju Ġenerali tal-Knisja Siro-Kattolika f’Aleppo. “Illum nidfnu l-mejtin tagħna, u nifhmu l-kobor ta’ dan id-diżastru, billi nindunaw li ma nistgħux nissodisfaw il-ħtiġiet ekonomiċi biex insewwu l-ħsara waħedna”, qal l-Isqof lil PMS Spanja. “Għinuna biex il-fidili Kristjani tagħna li baqa’ jibqgħu hawn, biex nippreservaw ‘il-benniena’ tal-Kristjaneżmu, u nitolbu, li jkollna s-saħħa li nagħtu faraġ lill-poplu tagħna, ħalli jsib il-fidi u t-tama għall-ġranet aħjar”, appella.

Skont l-aħħar ċifri li ħarġu, s’issa tilfu ħajjithom ‘l fuq minn 40,000 ruħ mit-terremot ta’ qawwa 7.8, għexieren ta’ eluf midruba u miljuni abbandunaw djarhom u jitħabtu biex jgħixu, speċjalment fis-Sirja li hija mifnija minn gwerra ċivili, fejn l-għajnuna internazzjonali damet biex tasal minħabba sanzjonijiet u l-kunflitt li għaddej fil-pajjiż. Iż-żona milquta mid-diżastru fit-Turkija hija d-dar għal kważi 14-il miljun ruħ, inklużi 2 miljun refuġajti, l-aktar mis-Sirja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2023-02/pms-launch-special-collection-for-devastated-turkey-and-syria.html

%d bloggers like this: