“Qatt taqtgħu qalbkom mill-ħolm tagħkom” u “kunu ambaxxaturi tal-paċi, biex id-dinja terġa’ tiskopri s-sbuħija tal-imħabba, tal-għajxien flimkien, tal-fraternità u tas-solidarjetà”. Din kienet l-istedina li l-Papa Franġisku għamel nhar it-Tnejn, meta indirizza grupp ta’ tfal Afrikani ta’ diversi nazzjonalitajiet fl-okkażjoni ta’ Jum l-Afrika.

Il-ġurnata timmarka l-kommemorazzjoni annwali tat-twaqqif tal-Unjoni Afrikana (OUA) fil-25 ta’ Mejju 1963. Dik il-ġurnata, nnota l-Papa, “hija simbolu tal-ġlieda tal-kontinent Afrikan kollu għal-ħelsien, l-iżvilupp, u l-progress soċjali u ekonomiku, kif ukoll għat-tisħiħ u l-approfondiment tal-patrimonju kulturali tal-Afrika” u “intom sinjal ta’ din il- kulturali għanja ta’ diversità”.
Għalhekk tenna s-sejħa li kien għamel liż-żgħażagħ kollha fl-2019, fl-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali ‘Christus vivit’, “biex jazzardaw ikunu ‘differenti’, u jagħtu xhieda tas-sbuħija tal-ġenerożità, tas-servizz, tas-safa, tal-kuraġġ, tal-maħfra, tal-ġlieda għall-ġustizzja u l-ġid komuni, tal-imħabba għall-foqra u l-ħbiberija soċjali.”
Il-Papa Franġisku kompla jħeġġeġ lit-tfal Afrikani biex ma jaqtgħux qalbhom mill-“isfidi enormi” u l-kriżijiet li jħabbat wiċċu magħhom il-kontinent Afrikan illum, inklużi t-terroriżmu, l-governanza ħażina, l-korruzzjoni, u l-qgħad kbir fost iż-żgħażagħ, migrazzjoni, kunflitti bejn il-komunitajiet u l-kriżi tal-kliema u tal-ikel; u li jkomplu jsegwu l-ħolm tagħhom għal futur aħjar. “Waħda mill-għana tal-Afrika hija l-intelliġenza qawwija taż-żgħażagħ tagħha” rrimarka, u esprima x-xewqa tiegħu li l-impenn tagħhom għall-istudji jista’ “jikkontribwixxi għall-iżvilupp uman u integrali tas-soċjetà”.
Waqt li ġibed l-attenzjoni għall-pjaga tat-tfal suldati, appella wkoll lil dawk ġreżenti biex ikunu qrib ta’ sħabhom, li sfortunatament huma vittmi ta’ kull tip ta’ kunflitt fl-Afrika “biex ma jħossuhomx miċħuda u stigmatizzati”.
“Qatt taqtgħu qalbkom mill-ħolm tagħkom, qatt tidfnu kompletament is-sejħa, u qatt taċċettaw telfa. Ibqgħu fittxu mill-inqas modi parzjali jew imperfett biex tgħixu dak li għarraftu li hi s-sejħa reali tagħkom.”
Il-Qdusija Tiegħu mbagħad reġa’ insista fuq l-importanza liż-żgħażagħ jiddjalogaw mal-anzjani tagħhom biex jibnu dinja aħjar: “Djalogu mal-għeruq tagħna, mal-anzjani tagħna”, qal “(…) jippermettilna nimxu ‘l quddiem”.
Fit-tmiem id-diskors tiegħu, l-Papa Franġisku ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikunu “ambaxxaturi tal-paċi” f’dawn iż-żminijiet ta’ periklu kbir għall-umanità billi jgħixu fil-paċi madwarhom u ġewwa fihom.
“Kunu ambaxxaturi tal-paċi, biex id-dinja terġa’ tiskopri s-sbuħija tal-imħabba, tal-għajxien flimkien, tal-fraternità u tas-solidarjetà.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-05/pope-to-african-children-be-ambassadors-of-peace.html