Waqt l-Udjenza Ġenerali ta’ kull ġimgħa fil-Vatikan, il-Papa Franġisku kkundanna attakk riċenti b’missili fuq il-belt ta’ Erbil fil-Kurdistan fl-Iraq. “Nesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħi mal-vittmi, maċ-ċivili kollha, tal-attakk tal-missili li laqat żona urbana ta’ Erbil, il-kapitali tar-reġjun awtonomu tal-Kurdistan Iraq”, qal. “Ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien ma jinbnewx b’azzjonijiet bħal dawn, iżda bi djalogu u kooperazzjoni. Nitlob lil kulħadd biex jevita kull pass li jżid it-tensjoni fil-Lvant Nofsani u f’żoni tal-gwerra”.
Nhar it-Tlieta, l-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran, qalet li sparat ħdax-il missila lejn Erbil. Diversi ċivili mietu fl-attakki, li l-Iran jgħid li kienu mmirati lejn “kwartieri ġenerali tal-ispjuni” Iżraeljani. Bi protesta, l-Iraq sejjaħ lura lill-ambaxxatur tiegħu għall-Iran. Iddeskriva l-attakk bħala “ksur sfaċċat” tas-sovranità, li “jikkontradixxi bil-qawwa l-prinċipji ta’ viċinat tajjeb u l-liġi internazzjonali, u thedded is-sigurtà tar-reġjun”.
Il-Papa Franġisku segwa dan l-appell b’sejħa għat-tmiem tal-gwerer kollha. “Ejjew ma ninsewx il-pajjiżi li qegħdin fi gwerra”, qal, “ma ninsewx l-Ukrajna, ma ninsewx il-Palestina, l-Iżrael, ma ninsewx lill-abitanti tal-Medda ta’ Gaża li tant qed isofru”. “Ejjew nitolbu għal tant vittmi tal-gwerra. Il-gwerra dejjem qerrieda – l-gwerra ma tiżrax l-imħabba, imma tiżra l-mibegħda. Il-gwerra hija telfa vera għall-umanità. Nitolbu għan-nies li qed ibatu fil-gwerra.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-01/pope-francis-erbil-iraq-kurdistan-missile-attack.html