Nhar it-Tnejn, il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-mexxejja ta’ erba’ kongregazzjonijiet reliġjużi, li qed jagħmlu l-Kapitlu Ġenerali tagħhom f’Ruma. Huwa ltaqa’ mad-delegati tal-Kapitlu tas-Sorijiet Missjunarji Dumnikani ta’ San Sistu, s-Sorijiet tas-Soċjetà tal-Qalb ta’ Ġesù, s-Sorrijiet tal-Preżentazzjoni ta’ Marija Mqaddsa fit-Tempju, u s-Soċjetà tal-Vokazzjonijiet Divini (Patrijiet Vokazzjonisti). Il-Qdusija Tiegħu esprima l-gratitudni tiegħu għad-dedikazzjoni u s-servizz tagħhom lill-Knisja.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika beda b’riflessjoni dwar is-sinifikat tad-dixxerniment, u enfasizza li huwa essenzjali għal kull kongregazzjoni u individwu reliġjuż. “Id-dixxerniment huwa parti mill-ħajja, kemm jekk fi żminijiet importanti li jinvolvu deċiżjonijiet kbar jew fid-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum dwar affarijiet żgħar u ta’ rutina”, qal il-Papa Franġisku. “Id-dixxerniment huma mpenjattiv u jirrikjedi li wieħed jisma’ lill-Mulej, lilu nnifsu, u lill-oħrajn. Huwa proċess li jitlob ‘talb, riflessjoni, stennija, paċenzja, u fl-aħħar mill-aħħar, kuraġġ u sagrifiċċju’.”
Il-Papa enfasizza wkoll il-ferħ li jiġi mit-teħid ta’ deċiżjonijiet tajbin, u saħaq “li nieħdu deċiżjoni tajba, deċiżjoni korretta, iġibilna ħafna ferħ”. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jgħinu liż-żgħażagħ jifhmu “li jkunu ħielsa jfisser, li jirriskjaw li jibdew triq partikolari, b’għerf u prudenza ovvjament, iżda wkoll b’kuraġġ u spirtu ta’ rinunzja, sabiex jikbru u javvanzaw fl-għotja tagħhom infushom, u b’hekk issibu l-ferħ billi jħobbu lill-oħrajn skont il-pjan ta’ Alla”.
Dwar it-tema tal-formazzjoni, l-Qdusija Tiegħu rrikonoxxa li din hija missjoni komuni u kondiviża fost il-kongregazzjonijiet reliġjużi. Huwa ddeskriva l-ħajja reliġjuża bħala “triq li tikber fil-qdusija u li tħaddan l-eżistenza kollha,” u ħeġġeġ lir-reliġjużi preżenti biex jipperseveraw fit-talb, fil-ħajja sagramentali u fir-relazzjoni ma’ Kristu. L-Papa żied jgħid li “dawk biss li huma umli biżżejjed, li jirrealizzaw li huma kontinwament ‘formazzjoni’, jistgħu jittamaw li jkunu ‘formaturi’ tajbin tal-oħrajn”.
Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku tkellem fuq it-tielet u l-aħħar punt: il-karità. Fisser ir-rwol fundamentali tal-karità fil-missjonijiet ta’ dawn il-kongregazzjonijiet reliġjużi, u fakkar lis-superjuri li l-fundaturi tagħhom, bħal Santa Madeleine Sophie Barat u l-Venerabbli Maria Antonia Lalia, raw l-uċuħ tal-foqra bħala sinjal mingħand Alla għall-missjoni tagħhom.
“Ġesù jkellimna permezz ta’ ħutna fil-bżonn; f’kull rigal li nagħtuhom, hemm riflessjoni tal-imħabba ta’ Alla,” saħaq il-Papa, qabel ma ħeġġiġhom “biex ifittxu li jaqbdu l-ispirtu ta’ gratwità u mħabba bla egoiżmu li mmarkaw il-bidu tal-preżenza tagħkom fil-Knisja”. Dan, temm jgħid, “huwa s-sors tad-dawl għall-vjaġġ tagħna u l-antidotu effettiv biex negħlbu fina nfusna u madwarna, l-kultura tal-eċċess, individwaliżmu, u tkissir soċjali li sfortunatament qed jipprevali fi żmienna”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-08/pope-encourages-religious-chapters-embrace-discernment.html