Il-Papa: L-popli indiġini għandhom dritt li jippreservaw l-identità kulturali

“L-art, l-ilma, u l-ikel mhumiex sempliċi merkanzija, imma l-pedament tal-ħajja u r-rabta tal-popli (indiġeni) man-natura.”

Dan kien il-messaġġ li nhar it-Tnejn, il-Papa Franġisku bagħat lis-7 Forum tal-Popli Indiġeni, organizzat mill-Fond Internazzjonali tal-Ġnus Magħquda għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD). Il-forum seħħ f’Ruma bejn l-10 u l-11 ta’ Frar, taħt it-tema: “Dritt tal-Popli Indiġeni għall-awtodeterminazzjoni: triq għas-sigurtà tal-ikel u s-sovranità”.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa qal li l-popli indiġeni għandhom id-dritt li jippreservaw l-identità tagħhom, iżda nnota li dan id-dritt huwa mhedded ħafna mill-ħtif dejjem akbar ta’ art agrikola minn korporazzjonijiet u stati multinazzjonali. Dan il-ħtif qed jikkawża ħafna ħsara lill-popli indiġeni u qed ipoġġu f’riskju d-dritt tal-komunitajiet għall-ħajja dinjituża, lmenta l-Papa. Huwa qal:

“Id-difiża tad-dritt li wieħed jippreserva l-kultura u l-identità tiegħu teħtieġ ir-rikonoxximent tal-valur tal-kontribut tagħhom lis-soċjetà, kif ukoll is-salvagwardja tal-eżistenza tagħhom u r-riżorsi naturali essenzjali għall-għajxien tagħhom”.

Il-Papa Franġisku żied lid-difiża tad-drittijiet tal-popli indiġeni hija kwistjoni ta’ ġustizzja, kif ukoll mod, kif jiġi garantit futur sostenibbli għall-umanità kollha. “Immexxija mis-sens tagħna ta’ appartenenza għall-familja umana,” qal, “nistgħu niżguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri jgawdu minn dinja fi qbil mas-sbuħija u t-tjubija li ggwidaw idejn Alla fil-ħolqien.”

Il-Qdusija Tiegħu faħħar il-wirt tal-popli indiġeni, u qal lit-tradizzjonijiet tal-antenati tagħhom jiżvelaw “orizzont ta’ tama fi żmienna, immarkat minn sfidi intesi u kumplessi u tensjonijiet numerużi”.

Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku talab biex l-isforzi biex jiġu protetti d-drittijiet u t-tradizzjonijiet tal-popli indiġeni jistgħu jagħtu l-frott. “Nitolbu lil Alla li jista’ kollox biex dawn l-isforzi, jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għall-mexxejja tal-ġnus, sabiex jittieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-familja umana timxi flimkien fit-tfittxija tal-ġid komuni, u ma tħalli lil ħadd eskluż jew minsi.” Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2025-02/pope-francis-message-ifad-indigenous-peoples-forum.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading