Mhux ir-ram, mhux il-metall, imma l-fidi. Messaġġ mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-Ġimgħa, 13 ta’ Novembru 2026: Diskors mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-ftuħ mill-ġdid tal-Gallerija Numismatika. Mużew Metropolitan ta’ Malta, Imdina.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Impressjonat bl-attendenza! Grazzi ħafna ta’ dan l-interess ġenwin f’din l-inizjattiva straordinarja li tkompli s-servizz li qiegħed jagħti l-Mużew tal-Katidral lill-patrimonju u l-istorja ta’ pajjiżna, li hija prezzjuża ħafna.

Jiena nieqaf biss f’kumment qasir. Qed nieħu pjaċir li s-Sur Joe Borg reġa’ tana din il-munita li laqtitni. Jekk tinnutaw, fiż-żewġ muniti hemm din l-iskrizzjoni bil-Latin – Non aes sed fides – ‘mhux il-flus, imma l-fidi’. F’dawk iż-żminijiet il-flus kienu tar-ram jew tal-metall. Għalhekk, mhux ir-ram, mhux il-metall imma l-fidi.

Kif tafu bil-Latin fides tfisser ukoll fiduċja – mhux biss il-fidi imma l-fatt li inti tista’ tafda għax fides hija l-qofol tal-kummerċ. Mela l-munita ssir espressjoni ta’ fiduċja f’xulxin, fiduċja l-ewwel nett f’min jagħmel il-munita. Irrealizzajna li s-solidus (is-sold) kien ‘solid gold’ (deheb pur). Is-solidus ta’ Ġustinjanu kien l-ewwel wieħed li uża l-ikonagrafija Nisranija. Is-solidus li mbagħad kellna s-sold.

Irrealizzajna wkoll maż-żmien kemm dan is-solidus ma baqax solidus, tħallat bħalma nagħmlu aħna l-bnedmin. Jiena nawgura li għalkemm l-aes (il-flus) ġew użati, kulħadd skont il-bżonn tiegħu, l-ispirtu tal-fiduċja li jesprimu dawn il-muniti jibqa’ fostna. Irrealizzajna wkoll li l-munita tgħallimna li d-dinja ma tbiddlitx. Il-munita hija wkoll strument ta’ ġid daqskemm hi strument ta’ deni.

Wara kollox il-Mulej Ġesù kellu esperjenza partikulari mal-muniti. Meta mar it-tempju u ra l-muniti ħarbathom. Meta qalilhom biex jagħtuh id-denarius wriehom wiċċ Ċesari u qalilhom jagħtuhulu lura. U hu ġie mibjugħ għal 30 biċċa tal-fidda. Tajjeb napprezzaw il-kelma tiegħu: “Jew Alla jew il-flus” (Mt 6:24). Imma fl-istess ħin waqt li naraw dawn l-istrumenti ta’ kummerċ, nirrealizzaw ukoll li dawn il-ġżejjer kienu dejjem, biex ngħidu hekk, jattiraw il-laqgħa ta’ kulturi differenti u anke l-fatt, il-bżonn, li wieħed ikun jista’ jkabbar il-ġid.

Aħna nawguraw li almenu dil-ħaġa jekk insejnieha nerġgħu niftakruha. Il-kavallieri kienu jagħmluha. Ma nafx jekk kinux jemmnuha huma stess Non aes sed fides – mhux il-flus, imma l-fidi, mhux ir-ram imma il-fidi.

Grazzi.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?