Il-Papa f’Santa Marta: L-eżempju ta’ Ġwanni – il-leħen tal-Kelma

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 24 ta’ Ġunju 2013: Knisja ispirata fuq il-figura ta’ Ġwanni l-Battista: li teżisti biex ixxandar, biex tkun il-leħen tal-Kelma, tal-għarus tagħha li huwa l-Kelma, u biex ixxandar din il-kelma sal-martirju minn idejn l-iktar suppervi tad-dinja. Dan ipproponieh il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, dalgħodu, it-Tnejn 24 ta’ Ġunju 2013, festa liturġika tat-twelid tal-qaddis li l-Knisja tqim bħala ‘l-ikbar bniedem imwieled minn mara’. Mal-Papa kkonċelebra, fost l-oħrajn, il-Kardinal Gianfranco Ravasi, President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura u tal-Kummissjoni Pontifiċja tal-Arkeoloġija Sagra li kien qed jakkumpanja grupp ta’ uffiċjali u kollaboraturi taż-żewġ entitajiet. Fost dawk preżenti kien hemm ukoll grupp mill-Uffiċċju Filateliku u Numismatiku tal-Governorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

Ir-riflessjoni tal-Qdusija Tiegħu kienet kollha kemm hi ċċentrata fuq dan il-paralleliżmu għaliex il-Knisja għandha xi ħaġa minn Ġwanni allavolja, wissa l-Papa minnufih, huwa diffiċli li tiddefinixxi l-figura tiegħu. Mill-bqija, Ġesù jgħid li huwa l-ikbar bniedem li qatt twieled, imma mbagħad, jekk naraw x’għamel u naħsbu dwar ħajtu,  innota l-Papa Franġisku, nindunaw li huwa profeta li għadda, bniedem li kien kbir qabel ma spiċċa b’mod traġiku.

Hekk hi allura l-istedina ta’ min hu verament Ġwanni, billi nħallu l-kelma lill-protagonista nnifsu. Infatti, meta l-iskribi u l-fariżej imorru jistaqsuh jispjegalhom aħjar min kien, huwa jwieġeb b’mod ċar: ‘Jien m’iniex il-Messija. Jiena leħen, leħen fid-deżert.’ Bħala konsegwenza l-ewwel ħaġa li tifhem hija li ‘d-deżert’ huma dawk li marru jistaqsuh – nies b’qalb ‘hekk’, mingħajr xejn, iddefinihom il-Papa – waqt li hu huwa l-‘leħen’, leħen mingħajr kelma, għaliex il-kelma mhuwiex hu, huwa ieħor. Huwa huwa dak li jitkellem imma ma jgħidx; dak li jipprietka dwar ieħor li għad jiġi wara. F’dan kollu, spjega l-Papa, hemm il-ministeru ta’ Ġwanni li qatt ma jaħtaf il-kelma; il-kelma huwa ieħor. U Ġwanni huwa dak li juri, dak li jgħallem, waqt li juża t-termini ‘warajja’; ‘jien m’iniex dak li qed taħsbu intom’; ‘jiġi warajja wieħed li jien m’iniex den li naqfillu l-qorq.’ Mela l-kelma mhix hemm.  Minflok hemm ‘leħen li jindika ieħor’. Is-sens kollu ta’ ħajtu hu li jindika ieħor.

Waqt li kompla għaddej bl-omelija tiegħu, il-Papa Franġisku mbagħad ġibed l-attenzjoni kif, għall-festa ta’ San Ġwann, il-Knisja għażlet il-jiem l-iktar twal tas-sena; il-jiem li għandhom l-iktar dawl.  Għaliex fid-dlamijiet ta’ dak iż-żmien Ġwanni kien il-bniedem tad-dawl: mhux dawl proprju, imma dawl rifless bħall-qamar. U meta Ġesù beda jipprietka, id-dawl ta’ Ġwanni beda jnin, jonqos, jinżel.  Dan jgħidu hu stess b’mod ċar waqt li jitkellem dwar il-missjoni tiegħu: ‘Hemm bżonn li huwa jikber u jien niċkien.’

Fil-qosor, mela, qal il-Papa, Ġwanni kien leħen mhux kelma; dawl, imma mhux tiegħu.  Ġwanni bħal donnu ma kien xejn. Hekk hi żvelata l-‘vokazzjoni’ tal-Battista, sostna l-Papa: isir xejn. U meta aħna nikkontemplaw il-ħajja ta’ dan il-bniedem hekk kbir, hekk qawwi – kulħadd kien jaħseb li kien il-Messija – meta nikkontemplaw kif din il-ħajja tintilef fix-xejn, saħansitra sad-dlam tal-ħabs, nikkontemplaw misteru enormi. Il-Qdusija Tiegħu kompla li, infatti, aħna nafu kif kienu l-aħħar jiem tiegħu. Hu magħruf biss li ġie maqtul u li rasu spiċċat fuq dixx bħala rigal kbir minn ballerina lil waħda adultera. Naħseb li iktar minn hekk ma nistgħux ninżlu ’l isfel, nannjentaw lilna nfusna.

Iżda nafu dak li seħħ qabel, matul iż-żmien mgħoddi fil-ħabs.  Nafu dawk id-dubji, dak l-inkwiet li huwa kellu; sal-punt li jsejjaħ lid-dixxipli u jibgħathom biex jistaqsu lill-Kelma: ‘Huwa int jew irridu nistennew ieħor?’ Għaliex lanqas lilu ma kien iffrankat id-dlam, in-niket fuq ħajtu: ‘Ħajti għandha sens jew żbaljajt?’

Insomma, qal il-Papa, il-Battista seta’ jiftaħar, iħossu importanti, imma dan m’għamlux.  Huwa kien jindika biss; kien iħossu leħen u mhux kelma. Dan hu għall-Papa Franġisku s-sigriet ta’ Ġwanni. Hu ma riedx ikun ideologu. Kien bniedem li nnega lilu nnifsu sabiex il-Kelma tikber. Hekk hi mela l-attwalità tat-tagħlim tiegħu. Hawnhekk il-Qdusija Tiegħu awspika li aħna, bħala Knisja, illum nistgħu nitolbu l-grazzja li ma nsirux Knisja ideoloġizzata biex minflok insiru biss id-Dei Verbum religiose audiens et fidenter proclamans, waqt li kkwota l-incipit tal-kostituzzjoni konċiljari dwar id-divina rivelazzjoni:  ‘Knisja li tisma’ b’mod reliġjuż il-kelma ta’ Ġesù u xxandarha b’kuraġġ’; ‘Knisja bla ideoloġiji, mingħajr ħajja proprja’; ‘Knisja li hija mysterium lunae, li għandha dawl mingħand l-għarus tagħha’, u li trid iddgħajjef id-dawl tagħha għaliex li jirrisplendi huwa d-dawl ta’ Kristu. Il-Papa Franġisku m’għandux dubji. Il-mudell li joffrilna llum Ġwanni huwa dak ta’ Knisja dejjem għas-servizz tal-Kelma; Knisja li qatt ma tieħu xejn għaliha nfisha. U billi fil-kolletta u fit-talba tal-fidili kienet mitluba l-grazzja tal-ferħ, u kien mitlub lill-Mulej biex iferraħ lil din il-Knisja fis-servizz tal-Kelma, biex tkun il-leħen ta’ din il-Kelma, biex tipprietka din il-Kelma, il-Papa ħeġġeġ biex tintalab il-grazzja li nimitaw lil Ġwanni: mingħajr ideat tagħna, mingħajr Evanġelju meħud bħala proprjetà; biex inkunu biss Knisja leħen li jindika l-Kelma, sal-martirju.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: