Nistqarr Magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet


23. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 13 ta’ Novembru 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-Kredu, li permezz tiegħu kull nhar ta’ Ħadd nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna, aħna naffermaw: “Nistqarr Magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet”. Hawn għandna l-uniku riferiment espliċitu għal Sagrament fil-Kredu. Fil-fatt il-Magħmudija hi l-“bieb” tal-fidi u tal-ħajja Nisranija. Ġesù Rxoxt ħalla lill-Appostli dan il-mandat: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva” (Mk 16:15-16). Il-missjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza u taħfer id-dnubiet permezz tas-sagrament tal-Magħmudija. Imma nerġgħu lura għall-kelmiet tal-Kredu. L-espressjoni nistgħu naqsmuha fi tliet punti: “nistqarr”; “Magħmudija waħda”; “għall-maħfra tad-dnubiet”.

1. “Nistqarr”. Xi jfisser dan? Hu terminu solenni li jindika l-importanza għolja ta’ l-oġġett, jiġifieri tal-Magħmudija. Fil-fatt, meta llissnu dawn il-kelmiet aħna nkunu naffermaw l-identità vera tagħna ta’ wlied Alla. Il-Magħmudija f’ċertu sens hi l-karta ta’ l-identità tan-Nisrani, iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu, u ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu għall-Knisja. Kollha tafuha l-ġurnata li fiha twelidtu u tiċċelebraw għeluq sninkom, hux veru? Kollha kemm aħna niċċelebrawh għeluq sninna. Nagħmlilkom din il-mistoqsija, li għamiltha drabi oħra, imma rrid nagħmilha mill-ġdid: Min minnkom jiftakarha d-data tal-Magħmudija tiegħu? Jgħolli idu: ftit (u ma rridx nistaqsi lill-Isqfijiet biex ma nġagħilhomx jistħu…). Imma ejjew nagħmlu ħaġa: il-lum, meta tmorru lura d-dar, staqsu ftit f’liema ġurnata ġejtu mgħammda, fittxuha, għax dan hu t-tieni għeluq sninkom. L-ewwel għeluq sninkom hu dak tat-twelid għall-ħajja u t-tieni hu dak tat-twelid għall-Knisja. Se tagħmluh dan? Din biċċa xogħol biex tagħmluha d-dar: infittxu l-jum li fih twelidna għall-Knisja, u rroddu ħajr lil Alla għax f’jum il-Magħmudija fetħilna l-bieb tal-Knisja tiegħu. Fl-istess ħin, mal-Magħmudija hi marbuta l-fidi tagħna fil-maħfra tad-dnubiet. Is-Sagrament tal-Penitenza, jew Qrar, hu, fil-fatt, bħal “tieni Magħmudija”, li tfakkarna dejjem fl-ewwel waħda biex tibni fuqha u ġġeddidha. F’dan is-sens jum il-Magħmudija tagħna hu l-punt tat-tluq ta’ mixja sabiħa, mixja lejn Alla li ttul ħajjitna kollha, mixja ta’ konverżjoni li hi l-ħin kollu mwieżna mis-Sagrament tal-Penitenza. Aħsbu f’dan: meta aħna mmorru nqerru d-dgħufijiet tagħna, id-dnubiet tagħna, immorru nitolbu maħfra lil Ġesù, imma mmorru wkoll inġeddu l-Magħmudija tagħna b’din il-maħfra. U dan hu s-sabiħ, qisna qed niċċelebraw jum il-Magħmudija tagħna f’kull Qrara. Għalhekk il-Qrar m’hux xi seduta f’kamra tat-tortura, imma festa. Il-Qrar qiegħed hemm għall-imgħammdin! Biex inżommu nadifa l-libsa bajda tad-dinjità Nisranija tagħna!

2. It-tieni element: “Magħmudija waħda”. Din l-espressjoni tfakkarna f’dik ta’ San Pawl: “Mulej wieħed, fidi waħda, Magħmudija waħda” (Efes 4:5). Il-kelma “Magħmudija” tfisser litteralment “immersjoni”, u fil-fatt dan is-Sagrament hu verament immersjoni spiritwali fil-mewt ta’ Kristu, li minnha nqumu miegħU bħala ħlejjaq ġodda (ara Rum 6:4). Hawn għandna quddiemna ħasil ta’ twelid mill-ġdid u ta’ dawl. Twelid mill-ġdid għax iwettaq dak it-twelid mill-ilma u mill-Ispirtu li mingħajru ħadd ma jista’ jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet (ara Ġw 3:5). Dawl, għax permezz tal-Magħmudija l-persuna umana tiġi mimlija bil-grazzja ta’ Kristu, “id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1:9) u jkeċċi d-dlamijiet tad-dnub. Hu għalhekk li fiċ-ċerimonja tal-Magħmudija l-ġenituri jingħataw f’idejhom xemgħa mixgħula, biex tfisser dan id-dawl; il-Magħmudija ddawwalna minn ġewwa bid-dawl ta’ Ġesù. Grazzi għal dan id-don l-imgħammed hu msejjaħ isir hu stess “dawl” – id-dawl tal-fidi li rċieva – għal ħutu, speċjalment għal dawk li qegħdin fid-dlam u m’humiex qed jilmħu l-iċken tbexbix ta’ dawl fuq ix-xefaq ta’ ħajjithom.

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Għalija l-Magħmudija hi fatt tal-passat, iżolat f’data li għaddiet, dik li sejrin tfittxu l-lum, jew realtà ħajja, li għandha x’taqsam mal-preżent tiegħi, f’kull waqt? Tħossok b’saħħtek, bil-qawwa li jagħtik Kristu bil-mewt u l-qawmien tiegħu? Jew tħossok mirbuħ, bla saħħa ta’ xejn? Il-Magħmudija tagħti l-qawwa u tagħti d-dawl. Tħossok imdawwal, b’dak id-dawl li jiġi minn Kristu? Int persuna tad-dawl? Jew int persuna mudlama, mingħajr id-dawl ta’ Ġesù? Hemm bżonn nixorbu l-grazzja tal-Magħmudija, li hi rigal, u nsiru dawl għal kulħadd!

3. Fl-aħħar nett, aċċenn żgħir għat-tielet element: “għall-maħfra tad-dnubiet”. Fis-sagrament tal-Magħmudija jinħafru d-dnubiet kollha, id-dnub oriġinali u d-dnubiet kollha personali, bħalma jinħafru wkoll il-pieni kollha tad-dnub. Bil-Magħmudija jinfetaħ il-bieb għal mod ġdid u effettiv ta’ ħajja li m’hux imtaqqal mill-piż ta’ passat negattiv, imma diġà jdewwaqna l-ġmiel u t-tjieba tas-Saltna tas-Smewwiet. Dan hu l-indħil qawwi tal-ħniena ta’ Alla f’ħajjitna, biex isalvana. Dan l-intervent salvifiku ma jneħħix id-dgħufija tan-natura umana tagħna – ilkoll aħna dgħajfin u lkoll midinbin –; u ma jneħħilniex ir-responsabbiltà li nitolbu maħfra kull darba li niżbaljaw! Jien ma nistax nitgħammed iktar minn darba, imma nista’ nqerr u hekk inġedded il-grazzja tal-Magħmudija. Qisni nkun ħadt it-tieni Magħmudija. Il-Mulej Ġesù hu hekk twajjeb u ma jegħja qatt jaħfrilna. Anki meta l-bieb li l-Magħmudija fetħitilna biex nidħlu fil-Knisja jitbexxaq xi ftit, minħabba fid-dgħufijiet tagħna u d-dnubiet tagħna, il-Qrar jiftħu mill-ġdid, propju għax hu bħal tieni Magħmudija li taħfrilna kollox u ddawwalna biex nimxu ’l quddiem bid-dawl tal-Mulej. Ejjew nimxu ’l quddiem hekk, hienja, għax il-ħajja għandna ngħixuha bil-ferħ ta’ Ġesù Kristu; u din hi grazzja tal-Mulej.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.