Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018

L-Evanġelju tal-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 8, 31-42

Il-qiegħa tkompli tisħon u l-Lhud bl-ebda mod ma jridu jaċċettaw lil Ġesù u l-kelma tiegħu. Ġesù, jipprova bla ma jirnexxilu jrattbilhom qalbhom iżda il-ħitan li bnew madwarha ma jħallu lil ħadd u lil xejn jidħol biex jibdel l-attitudni ostili tagħhom għal kul ma hu ġdid anke jekk ġej minn Alla. L-għada li titrabba fina l-kefen biss ineħħiha, jgħid il-malti. Il-qalb tal-bniedem imwebbsa b’rieda li ġejja minn mentalità arroganti li tqiegħdu anke ’il fuq minn Alla nnifsu, ma tintemmx mal-kefen, iżda tjassru u torbtu u twasslu fil-jasar li ma jintemmx. U għalhekk Ġesù jinsisti li l-verità teliskom. Anke l-verità bħala oppost tal-gidba li l-bniedem jgħix meta jqiegħed lilu nnifsu fuq il-pedestall għoli tal-qdusija falza li ġejja mid-drawwiet u t-tradizzjonijiet u mhux mill-intenzjonijiet u mill-għemil.

Il-qdusija hija l-ħajja fit-twettiq tat-tajjeb li ġej minn Alla, li hu l-espressjoni konkreta tar-rieda tiegħu, ix-xhieda għal verità tal-imħabba, il-mogħdrija u l-ħniena tiegħu. Mela min jagħżel li jiddeċiedi hu x’inhu t-tajjeb u jgħix bih, ikun qed jitbiegħed mill-verità ta’ Alla u allura jitbiegħed minnu.

Dawn il-jiem huma jiem ta’ grazzja kbira li fihom Alla jagħtina qawwa straordinarja biex inħarsu sewwa u nieqfu quddiem dak li naraw fil-mera ta’ ħajjitna, min tassew aħna u kif tassew qed ngħixu, x’inhu dak li qed jispirana u xi jwassal biex iqanqalna.

Ir-riti u d-drawwiet li writna u vvintajna u li aħna nħaddnu daqs li kieku ħajjitna tiddependi minnhom mhumxiex biżżejjed biex jagħmluna ulied Alla. Faċli ħafna nippuntaw subgħajna lejn min jintilef f’reliġjon mibdula fi tradizzjonijiet u drawwiet vojti li fihom infushom ma jfissru xejn ħlief nostalġija falza għal dak li sar mill-bieraħ lura. Iżda hemm drawwa iktar serja u kiefra minn dan kollu. Hija l-ideja falza li dak li nagħmlu, anke fil-mod kif aħna niċċelebraw il-liturġiji tagħna, l-osservanza għamja ta’ regoli maħluqa biex jakkomodawna, mibnija fuq il-gosti u s-sitwazzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom fi żminijiet partikulari ta’ ħajjitna, qe diqarrbuna xi ftit lejn il-verità ta’ Alla u jagħmluna wlied li jixirqilna nissejħu hekk, l-għaxqa u l-għożża ta’ Alla. Missierna mhux Alla. Forsi aħna missirijiet tagħna nfusna; ħallieqa ta’ ħajja li tiġina sewwa. Niżbaljaw bl-ikrah meta ngħixu daqs li kieku l-verità ta’ Alla tiġina dejqa jew wiesgħa jew imkittfa; meta nikkntentaw irwieħna bl-identità uffiċjali tagħna li taħbi identità konfuża u nċerta, li lanqas aħna stess ma nagħrfu. Mhix l-identità li tidher li tagħmilna dak li aħna, iżda l-identità li ħafna drabi nippruvaw naħbu taħt qoxra li fi żmien diffiċli tixxaqqaq u tinkiser u turi rejaltà bil-maqlub ta’ dak li nippruvaw nuru.

Hija l-mentalità tal-gidba li ġġiegħlna mmeru anke s-sewwa li aħna nafu li hu veru tagħna nfusna. Hija l-verità ta’ Alla u t-tħaddin tagħna li tagħmilna wliedu għax hija l-verità li turina r-rejaltà mhux biss ta’ dak li aħna u ta’ dak li nagħmlu, iżda ta’ kif Alla, fl-imħabba bla tarf tiegħu għalina, minkejja dak li aħna u dak li nagħmlu, ma jaqta’ qalbu minna qatt u jibqa’ jafda fit-tajjeb li hemm fina biex ikun jista’ għax tassew irid, isejħilna wliedu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: