Lectio Divina fis-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin. Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Ġw15, 26-27; 16, 12-15): Fir-rejalta’ tad-dinja tal-lum liema huma l-forzi li qed imexxu? L-egoiżmu joffri ħafna għażliet lill-bniedem, bħalma jagħmlu l-flus, il-ġid materjali, il-gideb, il-kilba biex tiddomina l-oħrajn, il-qerq, eċċ. Kif nafu tant tajjeb, kull fejn il-bniedem iħalli lil dawn il-forzi jmexxuh, jinħoloq kaos u dulluvju ta’ żbalji li ma jħallux bniedem jgħix tassew uman. Hawn tirrenja l-liġi tal-ġungla, vjolenza feroċi, dnub u mewt. L-enfasi hawn hi fuq il-ħajja materjali u bijoloġika li, kif jaf kulħadd, tiġi fit-tmiem. Imma, ħafna bnedmin oħra jittamaw f’ħajja oħra, dik li ma tintemm qatt. (Ikona Bizantina turi re ħiereġ minn għar mudlam b’xi parċmini tal-Iskritturra f’idejh. Dan ġej biex jillumina d-dinja).

  1. Din il-ħajja l-oħra ma tistax tiġi mill-materja, imma minn barra. Tista’ tiġi biss minn għand Alla bħala rigal għalina. Id-dawl tal-Kelma Tiegħu biss jista’ jdawwal it-triq tagħna biex ngħinu fil-ħolqien tad-dinja ġdida mfassla minn Ġesu ta’ Nazaret. Ma’ dan id-dawl, imbagħad, ikollna bżonn il-qawwa biex negħilbu kull għawġ li jtellifna fix-xandir tal-Kelma. Din hi l-festa tal-lum, li niċċelebraw dan id-dawl u din il-qawwa li bihom nistgħu nilluminaw id-dlamijiet tad-dinja tal-lum. Dawn id-doni biss jistgħu jimlew il-qalb tal-bniedem.
  2. In-naħa ta’ fuq tal-ikona li semmejna insibu tnax-il raġel. Dawn jirrappreżentaw mhux biss l-Appostli, imma l-kommunita kollha, inkluż l-Evanġelisti u lil San Pawl. Fin-nofs insibu siġġu vojt. Dan qiegħed għal Kristu li dejjem se jkun preżenti fil-kommunita Nisranija. Ikoni oħra, f’dan is-siġġu juru lil Marija b’idejha bħal ta’ lsira. B’dan riedu juru li Marija dejjem wettqet ir-rieda t’Alla billi kienet disposta biex tilqa’ dan ir-rigal Divin f’ħajjitha.
  3. Is-silta tal-lum hi meħuda mid-diskors ta’ Ġesu fl-aħħar ċena. Il-kelma ‘paraklitu’ tfisser ‘wieħed li joqgħod ħdejn’ l-akkużat biex jiddefendieh, i.e. avukat. Min hu dal-avukat li se jiddefendini fit-tribunal tal-Mulej? Dan se jkun il-ġabra ta’ għemejjel tajba li nkun wettaqt f’ħajti. Dawn se jitkellmu għalija, u mhux se jkolli bżonn ta’ avukat ieħor. Il-Missier mhux se jkun kontrija iżda se jżomm miegħi. Mela d-difensur tas-silta tal-lum meta se jkolli bżonnu? Issa, f’dil-ħajja, biex jiddefendini mill-qawwiet tal-ħażen. L-Ispirtu ta’ Ġesu jinżel fija u jxejjen dawn il-forzi li l-ħin kollu jippruvaw ibegħduni mill-Mulej.  Dan jidher f’ikona oħra fejn, minn flok re ħiereġ mill-għar mudlam, hemm diversi nies qed jitħabtu biex joħorġu fid-dawl, għax il-forzi tad-dlamijiet qed iżommuhom lura. Ta’ spiss, anki llum, min ikun irid joħroġ għad-dawl iħoss ruħu mitluf u waħdu f’dinja li trid tkompli tkattar id-dlam. Dan jiġri meta Nisrani jħajjar lil xi ħadd jgħix il-kastita’ fiż-żwieġ u barra ż-żwieġ, iħobb l-għadu, jaħfer, jitlob jew imur iqerr. Mhux darba jew tnejn iħarsu lejh bl-ikrah jew jaħsbu li qed jitkellem bil-Grieg. Aħseb u ara meta jħajjar xi żgħażagħ għas-saċerdozju jew ħajja reliġjuża! L-injezzjoni kontra dal-qtigħ ta’ qalb hu d-Difensur li, bħala Għajn ta’ Dawl, itina l-kuraġġ biex nipperserveraw u nħossuna fit-tajjeb meta nkomplu nwissu, ngħallmu, inxandru u nħajru għall-ħajja u mhux għall-mewt, għad-dawl u mhux għad-dlam. Din hi d-difiża għalina, din hi l-qawwa Divina li rċevejna fil-Magħmudija u l-Griżma. Din ġejja minn Alla u mhux minn xi raġunar jew intellett tagħna.
  4. “L-Ispirtu tal-Verita’…” Hawn il-verita’ mhiex l-oppost tal-gideb. L-Ispirtu huwa dik il-qawwa Divina li, meta tiġi fija, se tagħmilni bniedem veru, tassew uman awtentiku. Wieħed jista’ jkun intelliġenti, sabiħ, b’saħħtu u jkollu ħafna talenti. Imma, jekk ma jħobbx, ma jkunx bniedem veru, sħiħ. Biex iħobb u jaħfer għandu bżonn dil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
  5. “Dan l-Ispirtu jixhed għalija.” Min irċieva l-Ispirtu jgħaddi minn esperjenza interjuri f’qalbu billi jkun konvint li Ġesu għandu raġun, li l-Kelma tiegħu hija vera u ma tqarraq qatt, u dil-Kelma qiegħda f’sintonija ma’ dak kollu li hu intimu f’qalbu. Meta naqraw kif Ġesu jpinġi wiċċ il-Missier, l-Ispirtu fina jixhed għal dan u ngħidu: “Veru, fil-Missier Etern ma jista’ jkun hemm xejn ħlief imħabba.” Meta naslu għall-konklużjoni li l-kobor tal-bniedem ma jinsabx fil-kilba għall-flus imma fl-imħabba u li wieħed jagħti ħajtu għall-oħrajn – ikun l-Ispirtu li jkun qed jixhed dan fina. Hekk l-Ispirtu jżomm in-Nisrani ‘il bogħod  mill-gideb u dak kollu li hu falz.
  6. “Għandi aktar ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilhux għalihom.” Dawn il-ħwejjeġ ma nistgħux nifhmuhom qabel il-Qawmien ta’ Ġesu. Maż-żmien, l-Ispirtu se jfehimna xi tfisser tassew il-Qawma mill-mewt ta’ Ġesu, il-bniedem li rnexxa tassew. Ifehimna wkoll x’se tinvolvi lil dawk li se jifhmuha u jaċċettawha.
  7. “…. u jħabbrilkom il-ġejjieni.” Dan mhux xi tbassir tal-futur imma li l-Ispirtu s-Santu se jindika kif se tispiċċa l-istorja tal-bniedem li jħalli din il-qawwa Divina tmexxieh. Se tindika wkoll liema hi l-ħajja li rnexxiet u dik li falliet, fi kliem ieħor, taqliba ta’ taħt fuq tal-valuri tad-dinja.  Min jagħti ħajtu għall-oħrajn hu l-bniedem veru li rnexxa.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading