Vanġelu (Mk 6. 1-6): Is-silta tal-lum tkompli ma’ dik tal-Ħadd li għadda fejn rajna l-fejqan ta’ mara u tifla f’Kafarnahum. Dan ġara għax emmnu f’Ġesu’ u b’hekk il-ħajja rebħet fuq il-mewt. Ġesu’ kien ilu xi sena fil-ħajja pubbliku tiegħu. F’Kafarnahum kien milqugħ tajjeb ħlief mill-Iskribi u l-Fariżej li akkużawh li kellu xitan u kienu ġa ddeċidew li kien bniedem perikoluż. Illum se naraw x’jiġri meta Ġesu’ ma jsibx fidi f’pajjiżu.
- Ġesu’ ma marx Nazaret biex jara lil ommu u tal-familja. Mar għal skop ieħor. In-Nażrin kienu semgħu bil-mirakli u l-messaġġ tiegħu provokattiv. Bdew jirraġunaw: “Aħna nafu sew lilu u lill-familja tiegħu. Jew mhux hu, jew jekk inhu hu, tilef rasu. Mnejn safejn biċċa ta’ mastrudaxxa se jgħallem lir-Rabbini kif għandu jitħares is-Sibt u t-Torah. U kif jitniġġes mal-lebbrużi, jiekol mal-midinbin u l-prostituti, jaħfer id-dnubiet lin-nies mingħajr ma jara hux qed jiddispjaċihom, u bla ma jitlobhom jobdu dak li titlob il-liġi bħala tpattija?” Erba’ ġimgħat ilu rajna li anki qrabatu marru għalih Kafarnahum biex jeħduh lura Nazaret għax kienu mħassbin li tilef moħħu.
- Minkejja dan kollu, Ġesu’ jmur Nazaret, pajjiżu, kelma li tfakkarna f’art missirijietu, bit-tradizzjonijiet antiki. Nazaret tinsab fuq għolja u, kif ngħidu bil-Malti, “ta’ wara l-muntanji”, maqtgħuha għalija, magħluqa fiha nfisha, bla ebda kuntatt ma’ min jaħsibha differenti. Għalhekk kienu jżommu l-użanzi kollha bir-reqqa. Għalhekk għall-bidu, Ġesu’ nqata’ minn Nazaret għax kien jaf li mhux se jaċċettaw xi proposta ġdida. Beda l-missjoni tiegħu fejn il-Lhud kienu jitħalltu ma’ kulturi oħra. Illum narawh iżur Nazaret mad-dixxipli tiegħu biex jgħaddi messaġġ ċar: “Din issa hi l-familja ġdida tiegħi, i.e. dawk li qalu iva għas-sejħa tiegħi u ħallew kollox biex jimxu warajja; għax, min jagħmel ir-rieda t’Alla, dak hu ommu, ħija u oħti. B’hekk biss il-ħajja tagħmel sens.” Ġesu’ jintroduċi l-familja ġdida tiegħu lill-qrabatu biex iħajjarhom jinħallu mill-irbit tat-tradizzjonijiet. Imma, kif jgħid Ġwanni (Kap 7), “l-anqas ħutu ma emmnu fih.” In-nies tar-raħal laqgħuh bħala dak il-mastrudaxxa li kienu jafu sew. Il-problemi jibdew meta wasal is-Sibt u daħal jipprietka fis-sinagoga.
- L-omelija tar-Rabbi s-soltu tkun spjega sempliċi tal-Iskrittura u ħelwa għall-widnejn. “Ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu” i.e. kliem Ġesu’ ixxukkjahom u ħawwadhom. Niftakru li meta għamel hekk f’Kafarnahum, ix-xitan li kien f’wieħed raġel fis-sinagoga irvella. Dan ifisser li Ġesu’ ma jrid iħalli bi kwietu ebda xitan li jista’ jkollna fina. Dan jirvella meta jħoss ir-renju tiegħu mhedded mill-Kelma t’Alla. Għalkemm Mark ma jgħidx x’qal eżatt Ġesu’, nistgħu nissoponu li rrepeta dak li kien jgħid fis-sinagogi ta’ bliet oħra, i.e. immaġini ġdida t’Alla differenti minn dik li kienu imdorrijin il-Lhud – Alla li jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena u l-pagani, li jħobb il-Lhud u jobgħod ir-razez l-oħra kollha. Ġesu’ jippreżenta (i) Alla li hu tajjeb u ħanin ma’ kulħadd u jħobb bla ebda kundizzjoni; (ii) mhux ulied Abraham biss se jsalvaw; (iii) mhux il-bniedem li jiddomina u jaħkem se jkun suċċess imma min jaqdi lill-oħrajn. Dawn ixxukkjaw lin-Nażrin. Il-messaġġ hu: Il-Kelma t’Alla, li għadha taslilna fl-Evanġelu u mezzi oħra, tqanqal lill-qlubna, tmiss in-nerv sensittiv li jikxef dak kollu diżuman li nagħmlu kontra l-imħabba, u tħajjarna biex nikkonvertu. Imma xi wħud jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom u jiskużaw l-imġieba komda tagħhom. Bħan-Nażrin jagħmlu ħafna domandi biex jibblukkaw l-effett tal-Kelma u biex ma jikkonvertux: (a) “Dan, mnejn kisbu dan kollu?” Meta jgħidu dan u mhux Ġesu’ jinħass ton ta’ disprezz. “Dil-qawwa li jfejjaq minn fejn ġabha?” Domanda sinċiera kienet tkun: “Li qed jagħmel Ġesu’ hu favur il-ħajja u l-bniedem jew le? Jekk iva, allura dil-qawwa ġejja minn Alla! Mela jiħtieġ nibdlu l-fehma tagħna, nitilqu l-valuri foloz u t-tradizzjonijiet, u nħaddnu t-tagħlim ta’ Kristu.” Aħna se nagħmlu hekk jew ngħidu bħan-Nażrin: “Dil-qawwa ġejja mix-xitan. U dak (qassis, katekist) qed jgħid hekk biex jidher u jkun popolari.” B’hekk ma nirriskjawx li ninvolvu ruħna fil-missjoni ta’ Ġesu’. (b) “X’inhu dal-għerf li ngħatalu? Żgur mhux minn għand ir-Rabbini. Mela mhux ta’ min jafdah.” Aħjar saqsew: “Li qed jgħid Ġesu’ veru jew le?” Anki l-pagani jaslu biex jgħidu li kliem Ġesu’ fuq l-imħabba u l-maħfra aktar jagħmel in-nies umani milli l-egoiżmu. In-nisrani llum ma jridx isaqsi jekk kliem Ġesu’ jaqbilx mal-użanzi tal-passat imma jekk humiex il-verita’ jew le. (ċ) “Kif qed isiru dawn l-għeġubijiet b’idejh?” Dawn idejn inkallati ta’ mastrudaxxa li ħadd ma stenna li se jibdlu d-dinja. Illum imħeġġin biex nużaw idejna mhux biex noqtlu imma nfejqu, mhux biex nixkanaw lil xi ħadd imma biex inqajmuh fuq saqajh. Dan ifisser li nkunu lqajna l-Vanġelu u mhux importanti jekk hux konformi mat-tradizzjoni. (d) “Dan mhux il-mastrudaxxa?” Dan kien xogħol ta’ wieħed li ma kellux għelieqi, i.e. l-iktar wieħed fqir. Allura n-Nażrin qatgħuha li, la Ġesu’ ma kienx xi Rabbi jew Skriba, kulma jgħid banali. Jirraġuna hekk illum min ma jilqax l-Evanġelju. (e) “Dan mhux iben Marija?” Ma qalgħux iben il-missier biex iċekknuh. Ħutu kellhom isem tradizzjonali, i.e. anki qrabatu marbutin mal-użanzi antiki tagħhom. “U tfxiklu minħabba fih,” jiġifieri skandalizzaw ruħhom.
- “Profeta qatt mhu milqaugħ f’pajjiżu, anzi ddisprezzat” – “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1.7). Jiġri hekk lilna wkoll jekk nieħdu ‘l Ġesu’ u l-Vanġelu tiegħu “for granted”. In-Nażrin tilfu dak li ġara f’Kafarnaum fejn rebħet il-ħajja fuq il-mard u l-mewt għax, permezz tal-fidi, kisbu ħajja li ma tintemm qatt. Min jirrifjuta lil Kristu jirrinunjzja għall-imħabba, ferħ, paċi, kontroll fuq il-ġibdiet, rikonċiljazzjoni, ħniena mal-proxxu, eċċ.
- “U baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom”, għall-kuntrarju ta’ meta stagħġeb bil-fidi kbira taċ-ċenturjun.
Sors: lachiesa.it/litugia/omelie/padrefernandoarmellini