Il-Mulej hu l-blata

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 6 ta’ Dċembru 2018: Tgħid u tagħmel. Ramel u blat. ‘Il fuq u ‘l isfel. L-omelija li għamel illum il-Papa, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, bnieha fuq dawn il-koppji ta’ kliem ta’ kuntrast waħda mal-oħra. Il-Papa kien qed jirrifletti fuq il-qari li ttina l-liturġija tal-ġurnata meħud minn San Mattew u mill-Profeta Iżaija..

L-ewwel grupp hu ‘tgħid u tagħmel’. Dawn juru mixjiet opposti fil-ħajja nisranija: Li tgħid hu mod ieħor kif temmen, imma li tgħid biss huwa superfiċjali jew nofs triq: ngħid li jien Nisrani imma ma nagħmilx dak li hu tan-Nisrani. Ftit jew wisq, fi kliem sempliċi, osserva l-Papa, hu Kristjaneżmu ‘finta’, ‘taparsi’. Li tgħid waħdu hu ‘qoxra’, tgħid mingħajr ma tagħmel.

Il-proposta ta’ Ġesù hi l-konkretezza: konkretezza dejjem. Meta xi ħadd kien jersaq lejH u jitolbu parir, Hu kien dejjem jagħti tweġibiet konkreti. L-opri tal-ħniena huma konkreti.

Iż-żewġ kelmiet l-oħra, ‘ramel u blat’ ukoll jimxu f’direzzjoni opposta għal xulxin. Ir-ramel mhux solidu, hu konsegwenza ta’ dak li tgħid, hu ħajja mibnija mingħajr pedament. Iżda l-blata hi l-Mulej.

Il-Mulej hu l-qawwa. Imma bosta drabi min jafda fil-Mulej ma jidhirx, mhux bniedem ta’ suċċess, hu moħbi… imma sod. It-tama tiegħu mhix fil-paroli, fil-vanità, fil-kburija, fis-setgħat bla sugu tal-ħajja…  Il-Mulej huwa l-blata. Il-konkretezza tal-ħajja nisranija tmexxina ‘l quddiem biex nibnu fuq dik il-blata li hi Alla, li hi Ġesù,  Fuq is-solidu tad-divinità, mhux fuq l-apparenzi jew fuq il-vanità, fuq il-kburija, fuq ir-rakkomandazzjonijiet. Xejn minn dan, imma fuq il-verità.

It-tielet par ta’ kliem iqiegħed il-passi tal-imkabbrin u l-vanitużi f’kuntrast ma’ dawk tal-umli. Il-Papa Franġisku fakkar li fl-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Iżaija, il-Mulej, lil min kien fil-għoli, niżżlu, ġarraf il-belt imkabbra, waqqagħha għal isfel, ġarrafha għal kollox. ‘Taħt is-saqajn tintrifes, saqajn tal-imgħakksin, il-passi tal-foqra.’

Dal-pass tal-profeta Iżaija għandu l-bixra tal-innu tal-Madonna, il- Magnificat: il-Mulej jerfa’ lill-umli, lil dawk li jgħixu fil-konkretezza tal-ħajja ta’ kuljum, u jniżżel lill-għonja, lil dawk li ħajjithom bnewha fuq il-vanità, fuq il-kburija… dawn malajr jintfew.

F’daż-żmien tal-Avvent, temm jgħid il-Papa, hemm xi mistoqsijiet kruċjali li jistgħu jgħinuna: Jien Nisrani tal-kliem jew tal-fatti? Ħajti nibniha fuq il-blata li hi Alla jew fuq ir-ramel tal-mondanità u tal-vanità? Jien umli, nipprova li nibqa’ lura, ma nkunx imkabbar, biex b’hekk inkun qed inservi lill-Mulej?

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: