Il-Papa Franġisku ser jiltaqa’ ma’ Delegazzjoni tal-ACN


Stqarrija għall-istampa għall-użu mmedjat. 13 t’Awwissu 2019

Azzjoni għas-Sirja “Farrġu l-poplu tiegħi” – Il-Papa Franġisku ser jiltaqa’ ma’ Delegazzjoni tal-ACN

Delegazzjoni tal-Fondazzjoni Pontifiċja Internazzjonali, Aid to the Church in Need (ACN) ser tiltaqa’ mal-Papa Franġisku nhar il-Ħamis, 15 t’Awwissu 2019 bħala ġest biex isir talb għall-paċi b’solidarjetà mal-poplu Sirjan, biex jiġu mfarrġa l-familji li tilfu l-qraba tagħhom u biex jiġu mfakkra l-vittmi tal-gwerra.

Mission ACN Syria - June 2018Matul l-udjenza, il-Papa Franġisku ser ibierek 6,000 kuruna tar-Rużarju għall-familji tal-vittmi tal-gwerra fis-Sirja. Il-Papa Franġisku esprima l-appoġġ u l-impenn personali tiegħu għaċ-ċelebrazzjoni li l-Aid to the Church in Need (ACN) ser torganizza flimkien mal-mexxejja Kristjani fis-Sirja, fil-Festa tad-Duluri (15 ta’ Settembru 2019) bit-tema: “Farrġu l-poplu tiegħi” (ara Is 40: 1). Waqt l-Angelus tal-15 ta’ Settembru l-Papa ser jitlob għall-paċi fis-Sirja u għal dawk il-familji li l-qraba tagħhom inqatlu jew inħatfu matul il-gwerra.

Din iċ-ċelebrazzjoni ġiet varata sabiex il-Kristjani, kif ukoll is-soċjetà Sirjana kollha, jiġu mfarrġa, kif ukoll bħala appell għall-maħfra, għar-rikonċiljazzjoni u l-purifikazzjoni tal-memorja kemm fuq livell personali kif ukoll dak komunali.

Permezz ta’ din l-inizjattiva “Farrġu l-poplu tiegħi”, l-ACN tittama li ser tagħti lill-poplu Sirjan, speċjalment lil dawk il-familji li l-qraba tagħhom inqatlu jew inħatfu matul il-gwerra, konsolazzjoni spiritwali kif ukoll appoġġ morali.

L-ACN għadha qed tgħin lill-Kristjani li qed ibatu fis-Sirja u, sa mill-2011, appoġġat madwar 850 proġett immirati biex jagħtu kura pastorali, għajnuna ta’ emerġenza u appoġġ għall-għajxien għall-poplu ta’ Alla fis-Sirja.

L-ACN (Malta) tappella biex kulħadd jappoġġja lill-poplu Sirjan permezz tat-talb.