Daħla mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi għall-ktieb, ‘Kelma ta’ Ħabib’, publikat il-Ħamis 19 ta’ Diċembru 2019 bid-diskorsi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna matul l-2018.
Min kellu l-opportunità li jaqra t-tliet volumi tal-omeliji, id-diskorsi u l-messaġġi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, żgur baqa’ milqut bir-rikkezza u l-profondità li hemm fihom.
Dan ir-raba’ volum jiġbor fih il-kelma li l-Arċisqof wassal minn Diċembru tal-2017 sa Novembru tal-2018. Għalija dan kien żmien speċjali ħafna bil-konsagrazzjoni episkopali li saret fl-4 ta’ Awwissu 2018. Nibqa’ ngħożż il-messaġġ sabiħ tal-Arċisqof bl-isem Bonus Altor fejn hu spjega tant tajjeb il-motto li għażilt ‘Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba’: “Altor huwa dak il-missier li jmantni lil uliedu b’għożża, li jmantnihom bl-imħabba… It-talba tiegħi għalik hi li int tkun dejjem Bonus Altor, missier twajjeb li jmantni lil uliedu bl-għożża u bl-imħabba.”
Dan il-kliem hu wkoll frott tal-esperjenza nnifisha tal-Arċisqof tul is-snin, għax din l-għożża u l-imħabba toħroġ b’mod ċar ħafna fil-kelma tiegħu f’tant okkażjonijiet diversi, fosthom fiż-żjarat fil-parroċċi bħala parti mill-Viżta Pastorali jew fil-bidu ta’ ħidma pastorali ta’ għadd ta’ kappillani. L-Arċisqof jitkellem minn qalbu – tassew kelma ta’ ħabib!
Il-kelma tal-Arċisqof hi wkoll kelma ta’ raġuni – kelma li hi tassew rilevanti għal dak li tkun għaddejja minnu s-soċjetà Maltija. Nixtieq ħafna li dawk kollha li jippretendu li jisimgħu l-kelma tar-ragħaj f’mumenti partikulari tal-istorja jkollhom l-okkażjoni li jintebħu li, diversi drabi, din il-kelma r-ragħaj ikun diġà qalha. Ikun antiċipahom.
Hemm diversi messaġġi ta’ dan it-tip f’dan il-volum. Insemmi silta minn messaġġ wieħed, dak li l-Arċisqof wassal fil-quddiesa fl-okkażjoni tal-170 sena tal-Kamra tal-Kummerċ (24 ta’ April 2018): “Il-vuċi tagħkom hija importanti ħafna, u allaħares ma tkunx hemm, imma hemm bżonn ukoll ninsistu ma’ min għandu l-poter u ma niddejqux inwasslu kliem ta’ verità lil min għandu l-poter, għaliex jekk aħna nitilfu l-ġid tagħna, biex nirkuprawh irridu negħrqu l-għaraq tad-demm… Mhuwiex aċċettabbli li jkollna kummerċ magħmul f’atmosfera fejn biex inti jkollok kuntratt trid tkun servili lejn min suppost hu qaddej tal-poplu; jew inkella trid tagħmel allowance biex min suppost japprovalek proġett, ikollu wkoll biex igawdi hu personalment. Dan huwa wkoll velenu li ma jagħmel ġieħ lil ebda sistema.”
Matul din is-sena, jispikka l-pellegrinaġġ maż-żgħażagħ li mexxa l-Arċisqof fl-Art Imqaddsa – pellegrinaġġ organizzat mill-Malta Catholic Youth Network (MCYN). Insemmi l-messaġġ tiegħu fil-Knisja ta’ Santa Sepulkru f’Ġerusalemm, il-post fejn il-Mulej qam mill-imwiet, fejn l-Arċisqof tkellem b’enfasi fuq “fidi kbira fl-Irxoxt tal-Mulej, fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, fir-rebħa tal-imħabba fuq il-mibegħda, tat-tama fuq id-disperazzjoni.”
U waqt li nistqarru l-fidi tagħna fil-qawmien mill-imwiet, niftakru wkoll li f’Jannar tal-2018 tliet Isqfijiet Maltin għaddew għall-ħajja ta’ dejjem: l-Isqof Adeodato Micallef, l-Isqof Silvestru Magro u l-Isqof Emanuel Barbara. Bħala Isqfijiet missjunarji li tant ħadmu biex iwasslu l-Bxara t-Tajba sa truf l-art kollha bil-kelma u bl-eżempju, huma jibqgħu għalina, fi kliem l-Arċisqof, “kewkba tiddi fil-memorja tal-Knisja Universali”.
Nistieden lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kelma tar-ragħaj tal-Knisja f’Malta, u lill-bnedmin ta’ rieda tajba, biex jaqraw dan il-ktieb u jirriflettu fuq din il-kelma. Żgur li jkunu grati li x-xewqa tagħhom ta’ kelma ċara li tagħti viżjoni u direzzjoni ġa tkun seħħet, kultant qabel ma indunaw biha.