Il-Papa f’Santa Marta: Il-mondanità ftit ftit lil dak li jkun tmexxi lejn id-dnub


Il-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar 2020: Ħajja normali, kwieta, qalb li ma tiċċaqlaqx lanqas quddiem l-aktar dnubiet gravi, mondanità li tisraq il-ħila li tagħraf il-ħażin li tkun qed tagħmel. Fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum il-Papa għamel riflessjoni dwar il-qari meħud mit-tieni Ktieb ta’ Samwel li jitkellem dwar ir-re David, “ir-re qaddis David” li billi ftit ftit dara l-ħajja komda nesa li kien maħtur minn Alla nnifsu.

David jixbah lil ħafna nies tal-lum li jidhru tajbin, imorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd u jgħidu li huma nsara, imma tilfu l-kuxjenza dwar x’inhu dnub, ħaġa li Piju XII kien isejħilha ‘wieħed mill-ħafna dnubiet ta’ żmienna’.  Żmien li fih kollox jgħodd, ‘atmosfera spiritwali’ li forsi nirriformaw minnha minħabba xi ċanfira li nirċievu minn xi ħadd inkella b’xi daqqa ta’ ħarta tajba li ttina l-ħajja.

Il-Papa tkellem dwar id-dnubiet ta’ David: iċ-ċensiment tal-poplu u l-ġrajja ta’ Urija li bagħtu biex jinqatel wara li kien taqqallu ’l martu Betseba.  Wara l-adulterju, hu jagħżel l-assassinju bil-ħsieb li jirranġa s-sitwazzjoni skont il-pjanijiet tiegħu… u jfalli bil-kbir.  David, afferma l-Papa, kompla għaddej bil-ħajja normali:  kalm, f’qalbu ma ħass xejn.

Imma kif il-kbir David, li hu qaddis, li kien għamel bosta affarijiet tajbin, li kien magħqud ma’ Alla, kellu ħila jasal għal dan?  Din mhix ħaġa li ssir minn jum għal ieħor.  Il-kbir David ftit ftit beda jiżloq, ftit ftit.

Hemm dnubiet tal-waqt: id-dnub tal-korla, tal-insult, meta titlef il-kontroll.  Imma hemm dnubiet li naqgħu fihom ftit ftit, bl-ispirtu tad-dinja.  Huwa l-ispirtu tad-dinja li jwasslek biex tagħmel dawn l-affarijiet.  Assassin….

Il-Papa tenna bosta drabi l-frażi ‘ftit ftit’ waqt l-omelija.  Spjega kif ftit ftit id-dnub jaħkem il-bniedem li japprofitta ruħu mill-kumditajiet.  Aħna lkoll midinbin imma xi drabi nagħmlu dnubiet ‘tal-mument’: nisbel, ninsolenta….  imbagħad nindem.

Iżda drabi oħra niżżerżqu lejn stat ta’ ħajja… li donnu jidher ‘normali’.  Per eżempju, ma nħallasx lis-serva kif suppost, jew lil min jaħdem fil-kumpanija ntih nofs dak li jistħoqqlu.

Imma dawn ikunu nies twajba fid-dieher, imorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd, u jsostnu li huma Nsara.  Allura int kif iġġib ruħek hekk?  U d-dnubiet l-oħra?  Ngħid din biss… kif iżżerżaqt lejn sitwazzjoni fejn tlift il-kuxjenza ta’ x’inhu dnub?  Għax kollox leċitu… u fl-aħħar tqatta’ ħajtek kollha tipprova ssolvi xi problema.

Dawn mhux affarijiet tal-imgħoddi, issokta l-Papa, filwaqt li fakkar ġrajja li seħħet fl-Arġentina bejn xi plejers tar-rugby li qatlu wieħed minn sħabhom bid-daqqiet.  Wara li kienu qattgħu lejl jitbaħardu, dawn iż-żgħażagħ saru merħla lpup.  Imġiba li tiftaħ ħafna mistoqsijiet dwar l-edukazzjoni taż-żgħar, dwar is-soċjetà.

Kultant ikun hemm bżonn xi daqqa ta’ ħarta mill-ħajja biex nieqfu, biex nabbandunaw it-triq li ftit ftit tkun qed iżżerżaqna lejn id-dnub.  Ikun hemm bżonn ta’ xi ħadd bħall-Profeta Natan, mibgħut għand David minn Alla biex jurih l-iżball li kien għamel.

Naħsbu ftit: x’atmosfera spiritwali tmexxili ħajti?  Jien attent, dejjem bżonn li xi ħadd jgħidli l-verità, jew m’iniex, nemmen li m’għandi bżonn ħadd?

Nagħti widen għaċ-ċanfir ta’ xi ħabib, tal-konfessur, ta’ żewġi, ta’ marti, ta’ wliedi, li ftit jew wisq huma ta’ għajnuna għalija?  Meta naraw l-istorja ta’ David – ir-re qaddis David – ngħarblu lilna nfusna: la bniedem qaddis wasal biex jaqa’ b’dal-mod, noqogħdu attenti, ħuti, jista’ jiġri hekk lilna wkoll.  U nistaqsu wkoll lilna nfusna: x’inhi l-atmosfera (spiritwali) li ngħix fiha?

Jalla l-Mulej itina l-grazzja li jibagħtilna dejjem xi profeta – jista’ jkun ġar, ibnek, ommok, missierek – li jċanfarna meta nkunu qed niżżerżqu lejn din l-atmosfera fejn donnu li kollox huwa leċitu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.