Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Ġwann ta’ Fiesole


Fit-18 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil Beatu Ġwann ta’ Fiesole, magħruf bħal Beatu Anġeliku, Saċerdot Dumnikan li għex bejn is-snin 1387 sa 1455.

Kien jismu Guidolino di Pietro, u twieled f’Vicchiodi Mugello, fl-Italja. Sa minn żogħżitu hu tgħallem is-sengħa ta’ pittur f’Firenze. Madwar l-1420 flimkien ma’ ħuh Benedetto ingħaqad mad-Dumnikani fil-kunvent ta’ Fiesole, u ħa l-isem ta’ Fra Ġwann ta’ Fiesole. Huwa kien bniedem sempliċi, twajjeb, fqir u umli.

Wara li ordna saċerdot issokta jpitter. Hu kien tipikament Dumnikan: jgħaddi lill-oħrajn il-frott tal-kontemplazzjoni tiegħu, għax fi kwadri mill-isbaħ pinġa l-misteri tas-sema li huwa kien jikkontempla fit-talb u fl-istudju tal-Kotba Mqaddsa.

Fil-kunvent ta’ San Marco, f’Firenze insibu ġojjelli artistiċi tiegħu. Ġie mibgħut l-Italja, fejn baqa’ Ruma sal-1447, meta kellu x’jagħmel xogħlijiet oħra fil-Katidral ta’ Orvieto. Wara rritorna Firenze fl-1449 jew l-1450. F’Ġunju 1450, kien Pirjol fil-kunvent ta’ San Duminku fi Fiesole. Bejn l-1453-1454, x’aktarx reġa’ kien Ruma biex jagħmel xi xogħol hemmhekk.

Ix-xogħlijiet tiegħu għadhom sal-lum jgħaxxqu lil kulħadd fi Fiesole, Firenze, Orvieto u fil-Vatikan. Bħala xhieda tal-virtujiet u tal-arti tiegħu kulħadd kien isejjaħlu l-“Beatu Anġeliku” u b’dan l-isem hu magħruf bħala wieħed mill-aqwa pitturi reliġjużi ta’ kull żmien. Jingħad fuqu li qatt ma beda jpitter bla ma qabel ikun talab, u qatt ma kien ipitter kurċifiss bla ma d-dmugħ kien iġelben minn għajnejh.

Mewtu ġrat fit-18 ta’ Frar 1455, fil-kunvent ta’ Sidtna Marija fuq il-Minerva, u l-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-knisja ta’ dan l-istess kunvent. Il-Papa San Ġwann Pawlu II, fit-3 ta’ Ottubru tal-1982, ikkonferma l-qima lejn il-Beatu Ġwanni ta’ Fiesole u aktar tard ħatru Patrun tal-artisti.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com