Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ Santa Katerina ta’ Siena

Print Friendly, PDF & Email

Fid-29 ta’ April l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ Santa Katerina ta’ Siena, Verġni u Duttur tal-Knisja li għexet bejn is-snin 1347 sa 1380.

Katerina Benincasa, hija waħda mill-akbar nisa li qatt rat id-dinja. Hija twieldet fi Siena, fl-Italja, fl-1347. Kienet l-iżgħar fost il-25 ulied ta’ żebbiegħ minn Siena, fit-Toskana (l-Italja Ċentrali) u twieldet nhar l-Annunzjazzjoni, fil-25 ta’ Marzu, 1347.

Minkejja li ħajruha għaż-żwieġ, kienet għal kollox deċiża li ma tridx tiżżewweġ. Ta’ tmintax-il sena, ikkonsagrat lilha nnifisha ‘l Alla, u daħlet Terzjarja Dumnikana, u mal-ħajja kontemplattiva ta’ meditazzjoni u talb, bdiet ħajja l-aktar attiva, billi bdiet tmur fl-isptarijiet iddur bil-morda, u bix-xjuħ u tgħin lil kull min setgħet. Kienet tmur ukoll fil-ħabsijiet, u tkellem speċjalment lil dawk li kienu jkunu kkundannati għall-mewt.

Fl-epidemija tal-pesta, fl-1374, kienet tieħu ħsieb lil dawk li kienu jimirdu, iddur bihom u tgħinhom, u ġieli anke difnithom hi stess meta mietu.

Ħadmet u għenet ħafna l-Knisja meta kienet għaddejja minn wieħed miż-żminijiet tqal tagħha. Ġabret madwarha bosta dixxipli, il-“Katerinati” li kienu jgħinuha fil-ħidma kbira tagħha biex ikkonvertiet tant midinbin, u tat l-aqwa għajnuna lil dawk fil-bżonn.

Kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. Bħal San Franġisk t’Assisi, irċeviet l-istigmati jew il-pjagi, imma mingħajr ma jidhru bil-għajnejn, fil-knisja ta’ Santa Kristina ta’ Pisa, fl-1375. Ħadmet biex tikseb il-paċi bejn belt u oħra, biex tħeġġeġ l-insara għall-Kruċjata fl-Art Imqaddsa mnidija mill-Papa Girgor XI, iddefendiet lill-Papa ġewwa Siena, Lucca u Pisa, u marret Avignon għand il-Papa Girgor fl-1376, biex turih li bħala Papa, is-sede tiegħu kienet Ruma.

Il-Papiet (li kienu Franċiżi) kienu ilhom Avignon 74 sena, imma għall-kelma ta’ Katerina, Girgor XI irritorna Ruma fis-17 ta’ Jannar, 1377. Imma Girgor miet fl-1378, u meta floku laħaq Urbanu VI, kien hemm xi kardinali li dehrilhom li dik il-għażla kienet illegali, u malajr inħatar “Papa” ieħor.

Dan ġab il-firda fost il-Kattoliċi, li tissejjaħ ix-“Xiżma tal-Punent”, u li ntemmet biss wara 39 sena bl-elezzjoni ta’ Martinu V fl-1417. Katerina ħadmet bis-sħiħ flimkien ma’ Santa Katerina tal-Isvezja (ara Santa Katerina tal-Isvezja), li ltaqgħet magħha Ruma, u ma’ oħrajn, biex tiddefendi l-veru Papa (Urbanu VI) u ssalva l-unjoni fil-Knisja.

Imma ma damitx ma mietet. Tliet xhur qabel mietet, mardet u sofriet ħafna. Ħalliet difatti din id-dinja ġewwa Ruma fid-29 ta’ April, 1380, ta’ 33 sena. Ħalliet, anki bl-approvazzjoni tal-konfessur tagħha, il-Beatu Rajmondu minn Capua, Ġeneral tad-Dumnikani, il-ktieb famuż: id-“Djalogu ta’ Santa Katerina,” kitba mistika mill-aqwa.

Il-Papa Piju II (li kien ukoll minn Siena) ikkanonizzaha fl-1461, il-Papa Piju XII ħatarha Patruna tal-Italja (flimkien ma’ San Franġisk t’Assisi) fl-1939, waqt li l-Papa San Pawlu VI ddikjaraha duttur tal-Knisja (flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Avila) fl-1970. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ddikjaraha ko-patruna tal-Ewropa.

Kontemplattiva f’ħajja ta’ attività kbira. Għalhekk hija rnexxielha tgħaqqad il-ħajja interjuri tat-talb mal-ħajja attiva ta’ għajnuna għall-oħrajn. Hekk kitbet, “Ftakar li kull wieħed għandu għalqa għalih magħquda ma’ dik tal-proxxmu bla ebda ħajt bejniethom li jifridhom minn xulxin; tant huma ħaġa waħda li ħadd ma jista’ jagħmel il-ġid jew id-deni lilu nnifsu bla ma fl-istess ħin jagħmlu wkoll lill-proxxmu” (Djalogu 24).

Lejn it-tmiem tad-Djalogu tagħha hija tesprimi l-għaqda mistika tagħha m’Alla, “Divinità eterna, int abiss, int baħar bla qiegħ! Int tajtni lilek innifsek: xi stajt tagħtini iżjed.” (n. 167) Santa Katerina kitbet ukoll madwar erba’ mitt ittra lill-Papiet, mexxejja ta’ pajjiżi u nies prominenti, li juru l-fond tal-ispiritwalità u tal-għerf tagħha; u kitbiet oħrajn.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: