48. Pietru jikklassifika l-ewwel fost l-Appostli


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 16/12/1992.

 1. It-testi li esponejt u spjegajt fil-katekeżi preċedenti jirrigwardaw b’mod dirett il-missjoni ta’ pietru li jwettaq fil-fidi lill-aħwa u li jirgħa l-merħla tas-segwaċi ta’ Kristu.

Dawn huma t-testi fundamentali dwar il-ministeru Petrin. Huma, iżda, jeħtieġ li jitqiesu fil-kwadru iktar sħiħ tad-diskors kollu neotestimentarju dwar Pietru, ibda mill-kollokazzjoni tal-missjoni tiegħu fil-kwadru sħiħ tat-Testment il-Ġdid. Fl-epistolarju pawlin, huwa hu mfakkar bħala l-ewwel xhud tal-qawmien mill-imwiet (cf. 1 Kor 15, 3 ss), u Pawlu jgħid li huwa mar Ġerusalem “biex jikkonsulta lil Kefa” (cf. Gal 1, 18). It-tradizzjoni ġovanneska tirreġistra preżenza qawwija ta’ Pietru, u wkoll fis-sinottiċi huma numerużi l-aċċenni għalih. Id-diskors neotestimentarju jirrigwarda wkoll il-pożizzjoni ta’ Pietru fil-grupp tat-Tnax. Fih joħroġ it-trijo Pietru, Ġakbu u Ġwanni: naħsbu, per eżempju, dwar l-episodji tat-trasfigurazzjoni, tal-qawmien mill-mewt tat-tifla ta’ Ġajru, tal-Ġetsemani. Pietru huwa dejjem fl-ewwel post fil-listi kollha tal-Appostli (in Mt 10, 2 saħansitra bil-kwalifikattiv tal-“ewwel”). Lilu jiġi mogħti minn Ġesù isem ġdid, Kefa, li jiġi tradott fil-Grieg (kien mela meqjus bħala sinifikattiv), biex jitlaħħaq għall-uffiċċju u l-post li Xmun kien se jkollu fil-Knisja ta’ Kristu. Dawn huma elementi li jaqduna biex nakkwistaw aħjar is-sinifikat storiku u ekklesjoloġiku tal-wegħda ta’ Ġesù, miġbura fit-test ta’ Mattew (Mt 16, 18-19), u l-għotja tal-missjoni pastorali deskritta minn Ġwanni (Ġw 21, 15-19): il-primat tal-awtorità fil-kulleġġ apostoliku u fil-Knisja.

2. Dan huwa fatt, irrakkuntat mill-evanġelisti bħala reġistraturi tal-ħajja u tad-duttrin ta’ Kristu, imma wkoll bħala xhieda tat-twemmin u tal-prassi tal-ewwel komunità nisranija. Mill-kitbiet tagħhom jirriżulta li, fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, Pietru kien jeżerċita l-awtorità b’mod deċiżiv fil-livell l-iktar għoli. Dan l-eżerċizzju, aċċettat u magħruf mill-komunità, jipprovdi tweġiba storika għall-kliem ippronunzjat minn Kristu dwar il-missjoni u l-poter ta’ Pietru. Huwa faċli li dak li jkun jammetti li l-kwalitajiet personali ta’ Pietru ma setgħux ikunu weħedhom suffiċjenti biex jiksbu l-għarfien ta’ awtorità suprema fil-Knisja. Ukoll jekk kellu temperament ta’ kap, diġa muri f’dik l-ispeċi ta’ koperattiva għas-sajd fuq il-Lag imwaqqfa minnu flimkien mas-“sieħba” Ġwanni u Indri (cf. Lq 5, 10), żgur li ma kienx se jasal li jimponi ruħu waħdu, meqjusa wkoll il-limiti u d-difetti tiegħu magħrufin sewwa. U mill-banda l-oħra, nafu li matul il-ħajja terrena ta’ Ġesù l-Appostli kienu ddiskutew dwar min, fosthom, kien se jkollu l-ewwel post fis-saltna. Il-fatt, mela, li l-awtorità ta’ Pietru ġiet magħrufa mbagħad b’mod paċifiku fil-Knisja, huwa dovut b’mod esklussiv għar-rieda ta’ Kristu, u juri li l-kliem, li bih Ġesù kien attribwixxa lill-Appostlu l-awtorità pastorali singolari, kien ftiehem u milqugħ bla diffikultà fil-komunità nisranija.

3. Ejjew nispezzjonaw fil-qosor il-fatti. Minnufih wara t-Tlugħ fis-sema, jirreferixxi l-Ktieb tal-Atti, l-Appostli nġabru: fil-lista tagħhom Pietru huwa msemmi l-ewwel (cf. At 1, 13), Bħal ma fil-bqija fil-listi l-oħra tat-Tnax li jfornulna l-Vanġeli u fl-enumerazzjoni tat-tlieta privileġġjati (cf. Mk 5, 37; 9, 2; 13, 3; 14, 33 e par.). Huwa hu, Pietru, li b’awtorità jieħu l-kelma: “F’dawk il-jiem Pietru qam f’nofs l-aħwa” (At 1, 15). Mhijiex il-miġemgħa li taħtru. Huwa jġib ruħu bħal wieħed li jippossiedi l-awtorità. F’dik il-laqgħa Pietru jesponi l-problema maħluqa mit-tradiment u mill-mewt ta’ Ġuda, li jnaqqas għal ħdax in-numru tal-Appostli. Minħabba l-fedeltà għar-rieda ta’ Ġesù, mimlija simboliżmu dwar il-passaġġ ta’ Iżrael mill-Qadim għall-Ġdid (tnax il-tribù kostitwenti-tnax-il Appostlu), Pietru jindika s-soluzzjoni li timponi ruħha: il-ħatra ta’ sostitut li jkun, flimkien mal-ħdax, “xhud tal-qawmien mill-imwiet” ta’ Kristu (cf. At 1, 21-22). Il-miġemgħa taċċetta u tqiegħed fil-prattika din is-soluzzjoni, billi ttellà x-xorti, sabiex il-ħatra tiġi mill-għoli: hekk “ix-xorti waqgħet fuq Mattija, li ġie assoċjat mal-ħdax-il Appostlu” (At 1, 26). Tajjeb li wieħed jenfasizza li fost ix-xhieda tal-qawmien mill-imwiet, minħabba r-rieda ta’ Kristu, Pietru kellu l-ewwel post. L-Anġlu li kien ħabbar lin-nisa l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, kien qalilhom: “Issa morru, għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru . . .” (Mk 16, 7). Ġwanni jħallih jidħol l-ewwel fil-qabar (cf. Ġw 20, 1-10). Lid-dixxipli li jerġgħu lura minn Emmaws l-oħrajn jgħidulhom: “Tassew il-Mulej irxoxta u deher lil Xmun” (Lq 24, 34). Din hija tradizzjoni primittiva, miġbura mill-Knisja u rriferuta minn San Pawl, li l-Kristu rxoxt deher l-ewwel lil Pietru: “Deher lil Kefa u mbagħad lit-Tnax” (1 Kor 15, 5). Din il-prijorità tikkorrispondi mal-missjoni mogħtija lil Pietru biex iwettaq lil ħutu fil-fidi, bħala l-ewwel xhud tal-qawmien mill-imwiet.

4. Il-jum tal-Pentekoste Pietru jaġixxi ta’ kap tax-xhieda tal-qawmien mill-imwiet. Huwa hu li jitkellem, b’impuls spontanju: “Pietru waqt li qam bilwieqfa flimkien mal-ħdax l-oħra, tkellem hekk b’leħen għoli . . .” (At 2, 14). Waqt li kkummenta dwar il-ġrajja, huwa ddikjara: “dan Ġesù, Alla rxuxtah, u ta’ dan aħna xhieda” (At 2, 32). It-Tnax kollha huma xhieda: Pietru dan ixandru f’isimhom kollha. Huwa hu l-kelliem istituzzjonali, nistgħu ngħidu, tal-ewwel komunità u tal-grupp tal-Appostli. Se jkun hu li jindika lis-semmiegħa x’għandhom jagħmlu: “Indmu, u kull wieħed għandu jiġi mgħammed fl-isem ta’ Ġesù Kristu . . .” (At2, 38). Huwa mill-ġdid Pietru li jwettaq l-ewwel miraklu, waqt li qanqal l-entużjażmu tal-folla. Skont ir-rakkont tal-Atti, huwa kien flimkien ma’ Ġwanni meta dar fuq magħtub li kien jitlob il-karità. Huwa hu li jitkellem. “Pietru ffissa ħarstu fuqu flimkien ma’ Ġwanni u qallu: “Ħares lejna!” U hu (il-magħtub) dar lejhom, waqt li stenna li se jirċievi xi ħaġa. Imma Pietru qallu: “Fidda u deheb m’għandix, imma dak li għandi se nagħtihulek: f’isem Ġesù ta’ Nażżaret, imxi!”. U qabdu minn idu l-leminija, u, dak qabeż fuq riġlejh u beda jimxi . . .” (At 3, 3-8). Mela Pietru bi kliemu u bil-ġesti tiegħu, sar l-istrument tal-miraklu, konvint li kellu l-poter mogħti lilu minn Kristu wkoll f’din l-isfera. Propju f’dan is-sens huwa jispjega lill-poplu l-miraklu, waqt li wriehom li l-fejqan kien juri l-qawwa tal-Kristu rxoxt: “Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna xhieda” (At 3, 15). Wara, huwa jħeġġeġ lis-semmiegħa: “Indmu u biddlu ħajjitkom!” (At 3, 19). Fl-interrogatorju tas-Sinedriju huwa Pietru, “mimli bl-Ispirtu Santu”, li jitkellem, biex ixandar il-fidwa miksuba minn Ġesù Kristu (cf. At 4, 8-9), imsallab u rxoxt (cf. At 7, 10). Suċċcessivament huwa Pietru li, “flimkien ma’ l-Appostli”, jwieġeb għall-projbizzjoni tat-tagħlim f’isem Ġesù: “Hemm bżonn li nobdu lil Alla milli pjuttost lill-bnedmin . . .” (At5, 29).

5. Ukoll fil-każ patetiku ta’ Ananija u Saffira, Pietru juri l-awtorità tiegħu bħala responsabbli tal-komunità. Waqt li jċanfar lil dik il-koppja nisranija għall-gidba dwar dak li kienu daħħlu mill-bejgħ tar-razzett, huwa jakkuża liż-żewġ ħatja kienu gidbu lill-Ispirtu Santu (cf. At 5, 1-11). Bl-istess mod Pietru jwieġeb lil Xmun is-saħħar, li kien offra xi flus lill-Appostli biex jikseb l-Ispirtu Santu flimkien mal-impożizzjoni tal-idejn: “Il-flus tiegħek imorru fit-telfien flimkien miegħek, għaliex ażzardajt taħseb li takkwista bil-flus id-don ta’ Alla . . . Indem mela minn din l-azzjoni ħażina, u itlob lill-Mulej li jkun maħfur lilek dan il-ħsieb!” (At 8, 20. 22). Barra minn dan, l-Atti, jgħidulna li Pietru huwa meqjus mill-folla bħala dak li, ferm iktar mill-Appostli l-oħra, jopera l-għeġubijiet. Bla dubju, hu mhuwiex l-uniku li jopera l-mirakli: “Bosta mirakli u għeġubijiet seħħu fost il-poplu bl-opra tal-Appostli” (At 5, 12). Imma huwa fuq kollox minnu li jistennew il-fejqan: “Kienu jġibu l-morda fil-pjazez, iqegħduhom fuq sodod u mtieraħ, sabiex, meta Pietru kien jgħaddi, jolqot lil xi wħud minnhom imqar id-dell tiegħu” (At 5, 15). Ħaġa waħda mela tispikka b’mod ċar f’dawn l-ewwel waqtiet tal-bidu tal-Knisja: taħt il-qawwa tal-Ispirtu u f’konformità mal-mandat ta’ Ġesù, Pietru jaġixxi f’għaqda mal-Appostli, imma jieħu l-inizjattiva u jiddeċiedi b’mod personali bħala kap.

6. Jispjega ruħu hekk ukoll il-fatt li, filwaqt tal-kalzrar ta’ Pietru min-naħa ta’ Erodi, tqanqal fil-Knisja talb imħeġġeġ għalih: “Pietru kien miżmum fil-ħabs, waqt li t-talb kien jitlà b’mod ma jaqtà xejn lil Alla mill-Knisja għalih (At 12, 5). Dan it-talb ukoll kien ġej mill-konvinzjoni komuni tal-importanza unika ta’ Pietru: dan jagħti bidu għall-katina bla ma taqtà ta’ suppliki li fil-Knisja jitilgħu f’kull żmien għas-suċċessuri ta’ Pietru. L-intervent tal-Anġlu u l-ħelsien mirakoluż (cf. At 12, 6-17), barra minn dan, juru l-protezzjoni speċjali li minnha jgawdi Pietru:  protezzjoni li tippermettilu li jwettaq il-missjoni pastorali kollha li ġiet mogħtija lilu. Din il-ptotezzjoni u assistenza jitolbu l-fidili għas-Suċċessuri ta’ Pietru fil-pieni u l-persekuzzjonijiet li dejjem jiltaqgħu magħhom fil-ministeri tagħhom ta’ “qaddejja tal-qaddejja ta’ Alla”.

7. Nistgħu nikkonkludu billi nagħrfu li tassew fl-ewwel żminijiet tal-Knisja Pietru jaġixxi bħala dak li jippossiedi l-ewwel awtorità fl-isfera tal-kulleġġ tal-Appostli, u li minħabba f’hekk jitkellem f’isem it-Tnax bħala xhud tal-qawmien mill-imwiet.

Għalhekk huwa jwettaq mirakli li jixbħu lil dawk ta’ Kristu u dawn jagħmilhom f’ismu. Għalhekk jassumi r-responsabiltà tal-imġieba morali tal-membri tal-ewwel komunità u tal-iżvilupp futur tagħha. Għalhekk huwa hu fiċ-ċentru tal-interess tal-poplu l-ġdid ta’ Alla u tat-talb indirizzat lis-Sema biex tinkiseb għalih protezzjoni u liberazzjoni.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb