Fil-21 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Piju X, Papa li għex bejn is-snin 1835 sa 1914.
Ġużeppi Sarto twieled fir-raħal ta’ Riese, fl-Italja ta’ fuq. Missieru kien iżżewweġ kbir meta kellu 43, iżda ommu kienet għadha fl-aħjar tagħha ta’ 22 sena. Wara sena kellhom tarbija iżda mietet għaxart ijiem wara. Wara kellhom tifel ieħor li semmewh Ġużeppi li twieled fit-2 ta’ Ġunju, 1835 u għammduh l-għada. Margerita kellha tmint itfal oħra, żewġ subjien u sitt ibniet. Lil Ġużeppi laqqmuh “Bepi” u hekk baqgħu jsejħulu ħutu bejniethom anki meta kien Kardinal Patrijarka. Il-kappillan tar-raħal kellem lil tal-familja biex it-tifel ikompli jistudja. Ma sabux diffikultà ħlief li ma kellhomx flus. Irranġawlu li jmur Castel Franco.
Daħal is-Seminarju ta’ Padova, u ordna saċerdot fit-18 ta’ Settembru tal-1858, fl-età ta’ 23 sena. Hu għadda l-ewwel sbatax-il sena tas-saċerdozju tiegħu f’ħidma pastorali. Fl-aħħar, fit-14 ta’ Lulju 1867, bagħat għalih l-isqof u ħatru kappillan tal-parrocċa importanti ta’ Salzano b’elfejn ruħ u tliet kurati. Għamel pjan għall-appostolat tiegħu: l-ewwel punt kien li kellu jżur kull familja, anki dawk li kienu Lhud u l-iktar lil dawk li kienu magħrufa bħala kontra l-Knisja. Fl-1873, faqqgħet il-kolera; il-kappillan baqa’ jdur bil-parruċċani tiegħu li ħadu din il-marda. Fix-xitwa tal-1868, beda skola tal-Latin u tal-mużika sagra. L-ikbar taħbit il-moħħ li kellu kien għall-fqar. Kulma kien jiddobba: qamħ, injam, frott, kollox kien għalihom. Ġie li anki ddejjen minħabba fihom. Kien magħżul kap tal-Għaqda tal-Karità li kienet tieħu ħsieb 200 fqir fil-belt. Sena wara sar il-Kap tal-Kumitat tal-iskola.
Fl-1875, ħatruh Kanonku tal-Katidral ta’ Treviso, u fl-1884 sar Isqof ta’ Mantova. Fl-1893, il-Papa Ljun XIII ħatru Kardinal u Patrijarka ta’ Venezja. F’din il-kariga wera kemm kien bniedem żelanti u ta’ ħila amministrattiva.
Fl-4 ta’ Awwissu 1903, il-Kardinal Sarto kien elett Papa, u ħa l-isem ta’ Piju X. Ix-xewqa kbira tiegħu kienet li “jġedded kollox fi Kristu.”
Fost l-affarijiet li għamel kienu:
- li ebda setgħa ċivili ma għandha tindaħal fl-elezzjoni tal-Papa, u neħħa l-veto li kellhom xi pajjiżi;
- iddefenda s-separazzjoni tal-Knisja mill-Istat, u dwar dan żamm sod speċjalment kontra l-Gvern ta’ Franza;
- ħadem ħafna biex ineħħi l-Moderniżmu mill-Knisja (meta xi qassisin kienu qed ixerrdu din l-idea u hu bil-kitba tieghu “Pascendi” u “Lamentabilis” ħadha qatta bla ħabel kontra dan u talab mis-saċerdoti ġurament kontra l-moderniżmu);
- inkuraġġixxa l-qari ta’ kuljum tal-Bibbja, u t-Tqarbin spiss u jekk jista’ jkun kuljum, speċjalment mit-tfal;
- ħejja test ta’ Katekiżmu li kellu jintuża mal-Italja kollha u li ġie ppubblikat sentejn qabel ma miet;
- irriforma l-Mużika Sagra, il-Liturġija, il-Brevjarju Ruman, u beda l-kodifikazzjoni tal-Liġi Kanonika;
- irriforma l-Kongregazzjonijiet u l-qrati Rumani;
- fetaħ l-Istitut Bibliku;
- ta attenzjoni speċjali lill-istampa kattolika, u lill-Azzjoni Kattolika; u
- ħadem ħafna għall-paċi meta d-dinja kienet f’xifer ta’ gwerra.
L-Ewwel Gwerra Dinjija bdiet fl-4 ta’ Awwissu 1914, u l-Papa miet fl-20 ta’ Awwissu 1914. Il-Papa Piju XII ikkanonizzah fl-1954. Kien l-ewwel Papa li ġie ddikjarat Qaddis mill-1672, mill-kanonizzazzjoni ta’ San Piju V.