It-Talba ta’ Mosè (3)

Riflessjoni fuq xi paragrafi mill-katekeżi tal-Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020 fil-biblijoteka tal-Palazz Appostoliku.

Riflessjoni 3

“Dejjem marbut mal-poplu. Mosè qatt ma tilef il-memorja tal-poplu tiegħu. U dan hu l-kobor tar-ragħajja: ma jinsewhx lill-poplu, ma jinsewx l-għeruq tagħhom. Dan hu li jgħid Pawlu lill-Isqof żagħżugħ maħbub tiegħu Timotju: “Ftakar f’ommok u f’nanntek, fl-għeruq tiegħek, fil-poplu tiegħek”. Mosè tant hu ħbieb ma’ Alla li jista’ jitkellem miegħu wiċċ imb wiċċ (ara Eż 33:11); u jibqa’ tant ħabib mal-bnedmin li tiġih ħniena għad-dnubiet tagħhom, għat-tentazzjonijiet tagħhom, għan-nostalġiji li f’daqqa waħda l-eżiljati kienet tiġihom tal-imgħoddi, huma u jaħsbu f’meta kienu l-Eġittu.” – Il-Papa Franġisku

Mhux l-ewwel darba li l-Papa Franġisku tkellem dwar l-importanza tal-memorja. Għandu espressjoni: “Id-dimensjoni tal-memorja”, fi kliem ieħor li niftakru li Alla hu preżenti magħna. Hawnhekk jgħid li Mosè qatt ma tilef il-memorja tal-poplu tiegħu. Aħna ngħixu f’Alla, kif kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca. “U dan hu l-kobor tar-ragħajja”, ikompli l-Papa dwar il-mexxejja, “ma jinsewhx lill-poplu, ma jinsewx l-għeruq tagħhom”. Ifakkar x’jgħid l-Appostlu Pawlu lill-Isqof żagħżugħ u maħbub tiegħu Timotju: “Ftakar f’ommok u f’nanntek, fl-għeruq tiegħek, fil-poplu tiegħek”.

“Ma jeżistix nisrani mingħajr Knisja, nisrani li jimxi waħdu, għax Ġesù stess daħal fil-mixja tal-poplu tiegħu.” Dan qalu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Spjega li “Alla għandu storja, għax ried li jimxi magħna. U ma nistgħux nifhmu lil Ġesù Kristu mingħajr l-istorja. Ma jistax ikun hemm Kristjan mingħajr storja, Kristjan mingħajr poplu, Kristjan mingħajr Knisja. In-nisrani hu persuna ta’ memorja: jitlob il-grazzja tal-memorja, dejjem.  Meta jħares ‘il quddiem huwa bniedem ta’ tama. Il-ħin kollu jgħid lill-Mulej: “Iva, irrid il-kmandamenti, irrid il-volontà tiegħek, irrid nimxi warajk.”

Tajjeb li naħsbu dwar kif inhi l-identità Nisranija tagħna, għax l-identità Nisranija tagħna hi appartenenza ma’ poplu, il-Knisja.  Mingħajr dan aħna m’aħniex insara. Aħna dħalna fil-Knisja bil-Magħmudija: hemmhekk sirna Nsara.  Għaldaqstant irid ikollna d-drawwa li nitolbu l-grazzja tal-memorja. Anki l-memorja personali. U nistaqsu spiss: “X’għamel Alla miegħi? Kif ħabbni? Kif qed iħobbni?” Dan ikun ta’ ġid għalina.

Minn Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading