Wieħed mill-aktar karatteristiċi li naraw f’San Ġużepp huwa s-silenzju li osserva matul ħajtu kollha.
1● Fil-Vanġeli ma nsibu l-ebda kelma ta’ San Ġużepp
L-ewwel nett fil-Vanġeli mnkien ma nsibu li huwa qal xi kelma. Dejjem huwa sieket. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li t-tajjeb ma jagħmilx ħsejjes u l-ħsejjes ma jagħmlux tajjeb. Ta’ min isemmi li l-kliem għandu s-sbubija tiegħu peress li jista’ jkun ukoll ta’ ġid. Il-kliem tal-bniedem spiritwali huwa biex jikkomunika mal-oħrajn u jkun ta’ għajnuna.
L-ilsien jista’ jkun mezz biex jikkritika lill-oħrajn u jikxef id-difetti tagħhom. Għalhekk San Ġorġ Preca jagħtina dan il-parir: “Qatt la toqgħod żgur li ma tasalx il-kelma li inti tkun għidt lil xi ħadd: in-natura hija minnha nnifisha lablaba, u fl-okkażjoni ma tafx trażżan ilsienha: ftit huma l-perfetti, u perfett huwa min irażżan fommu” (Direttorju Spiritwali Direzzjoni 209).
Min jipprattika s-silenzju jsib aktar ħin biex jitlob u hekk ikun midħla ta’ Alla. U żgur San Ġużepp kien jgħix din il-ħajja. U dan joħroġ ċar meta l-Verġni Marija li kienet ġa mgħarsa miegħu ħarġet tqila. Għalih din kienet sitwazzjoni li ma kienx jistennieha. L-Iskrittura tgħidilna li kien raġel ġust u għalhekk ried jitlaqgħa bil-moħbi. Ipprattika s-silenzju billi ma ntrabatx mal-opinjoni tiegħu iżda żgur li talab l-għajnuna ta’ Alla.
Il-bniedem silenzjuż ikun miftuħ għall-pariri għaqlin ta’ ħaddieħor u għall-ispirazzjonijiet ta’ Alla. U hekk ġralu San Ġużepp. Fil-prudenza u l-umiltà tiegħu kien lest li jibdel id-deċiżjoni tiegħu meta deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħolma billi qallu: “Ġużepp, bin David, la tibżax tieħu għandek lil Marija, l-għarusa tiegħek, għax dak li tnissel fiha hu mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1, 2).
Ta’ min jinnota li meta l-anġlu Gabrijiel ħabbar lil Marija li kellha ssir Omm Alla hija staqsietu: “Kif jista jkun dan, la jien ma nagħrafx raġel?” (Lq 1, 34). Iżda f’din l-ispirazzjoni li kellu San Ġużepp ma staqsa xejn. Emmen dak li qallu l-anġlu tant li meta stenbah mir-rqad għamel kif ordnalu l-anġlu.
Il-Vanġelu ta’ San Mattew jgħdilna: “U ħa l-għarusa tiegħu għandu; u mingħajr ma għarafha, wildet iben u semmieh Ġesù” (Mt 1, 24-25). Is-silenzju tiegħu ġie premjat billi flimkien ma’ Marija Santissima kienu huma l-ewwel li raw il-wiċċ ta’ Ġesù tarbija, li huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.
San Ġużepp ipprattika s-silenzju quddiem l-misteru tal-Inkarnazzjoni sa minn meta Marija ħarġet tqila sakemm miet qabel ma Sidna Ġesù Kristu ħareġ għall-missjoni pubblika tiegħu. Dan nistgħu nikkonkluduh peress li matul it-tliet snin li Ġesù dam jipprietka u jagħmel il-mirakli dan il-qaddis ma jissemma mkien.
2● San Ġużepp għex ħajja miġbura fost il-ħafna impenji tiegħu
Forsi wieħed jieħu l-impressjoni li biex wieħed jgħix ħajja ta’ silenzju hemm bżonn li jkun jgħix waħdu jew ikun f’xi monasteru. Iżda dan mhux il-każ. Tista’ tkun tgħix waħdek jew f’xi monasteru iżda moħħok ikun imxerred u ma tkunx tisma’ biżżejjed dak li Alla jkun irid minnek.
San Ġużepp għex ħajja miġbura fost il-ħafna impenji li kellu; il-ħajja tiegħu tal-familja, fil-ħanut tax-xogħol tiegħu ta’ mastrudaxxa, fil-vjaġġ tiegħu biex jinkiteb fiċ-ċensiment f’Betlem u fil-ħarba tiegħu lejn l-Eġittu; fejn flimkien ma’ Ġesù u Marija kellhom jgħixu f’pajjiz barrani għat-tradizzjonijiet spiritwali Lhud, flimkien ma’ kundizzjoni soċjali u drawwiet differenti.
Is-silenzju tiegħu wasslu għat-talb mill-aktar profond. Nistgħu ngħidu li l-ħajja tiegħu kienet talba kontinwa. Ħarsa b’imħabba u umiltà lejn Ġesù kienet l-aqwa talba li seta’ jagħmel Ġużeppi. Huwa kien qisu jgħix kontinwament fi ħdan ta’ Ġesù Sagramentat; b’differenza li flok ostja kellu quddiem lil Ġesù ħaj … kien l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.
L-Iskrittura għalkemm tpoġġielna quddiem għajnejna s-silenzju ta’ Ġużeppi madankollu turihulna bħala bniedem ta’ azzjoni. U proprju dan huwa l-iskop tas-silenzju ta’ natura spiritwali … huwa silenzju għall-azzjoni. Is-silenzju li jwassal għall-għażż ma huwiex silenzju kif iridu Alla.
Infatti l-motto ta’ San Benedittu li huwa Missier il-monastiċiżmu tal-Punent huwa “Itlob u aħdem”. U proprju l-ħajja ta’ San Ġużepp hija mudell kemm għal dawk li qegħdin jgħixu ħajja kontemplattiva u anki għal-lajċi impenjati fil-ħajja ta’ kuljum. Bix-xogħol ordinarju flimkien mat-talb huma jaslu biex jagħtu glorja lil Alla.
Fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha, fejn il-ħajja hija mgħaġġla, u l-ħin liberu jispiċċa mixrub mill-mezz ta’ komunikazzjoni soċjali San Ġużepp huwa mudell għalina. Huwa jgħallimna li permezz tas-silenzju ngħixu f’kuntatt aktar ma’ dawk li jinsabu madwarna u ma’ Alla.
Minn Angelo Xuereb